Aġġornata
Ftit wara l-11am, in-negozjat Marco Gaffarena u l-eks Spettur tal-Pulizija Daniel Zammit kienu flimkien fil-pompa tal-petrol li għandu Gaffarena f’Ħal Qormi.
Gaffarena deher jagħti ċwievet ta’ karozza lil Zammit. Din il-karozza kienet tat-tip Toyota, u kellha pjanċi tal-Ingilterra. “Tkellmu, tah iċ-ċavetta, u telaq isuq din il-karozza bajda lejn is-supermarket li hemm fil-viċin”, qalilna sors li tkellem magħna. “Mela veru dawn jafu sew lil xulxin!”
Gaffarena u t-tifel ta’ Ray Zammit dehru flimkien għall-ħabta tal-11:15am.
Fl-aħħar jiem komplew joħorġu fil-beraħ il-konnessjonijiet bejn il-familji ta’ dawn it-tnejn li kienu involuti f’żewġ skandli – wieħed ġie boarded out mill-Korp fi żmien rekord u ħamest ijiem wara ngħata impjieg ta’ €60,000 mal-Enemalta, u l-ieħor ingħata kumpens ta’ €3.5 miljun f’artijiet u flus għal esproprjazzjoni ta’ proprjetà mill-Gvern.
Issa sar magħruf li Daniel Zammit flimkien ma’ missieru l-eks-Aġent Kummissarju Ray Zammit u ħuh Roderick – spettur bħalu, fl-2010 u s-sena l-oħra daħlu bħala sħab fin-negozju ma’ Joe Gaffarena – missier Marco – u mad-dentist Michael Gaffarena – li jiġi ħu Marco – f’żewġ kumpaniji.
Dan apparti li fl-aħħar jiem ħareġ ukoll li l-eks-Spettur Daniel Zammit sa ftit ilu kien ukoll il-prosekutur fil-każ ta’ ħaten Marco Gaffarena, jiġifieri r-raġel t’oħtu, li jinsab mixli bi qtil li seħħ sitt snin u nofs ilu.
//= $special ?>

