Lokali

Hemm ħtieġa għal Riforma fl-Eżamijiet?

L-eżamijiet huma r-riga li tkejjel is-suċċess akkademiku f’pajjiżna. Minkejja li dan mhux neċessarjament l-aħjar metodu ta’ kif jitqies jekk l-istudenti mxewx ‘il quddiem matul is-snin tagħhom fl-iskola, u minkejja l-importanza mogħtija lill-assessjar formattiv, jibqa’ l-fatt li l-eżamijiet tal-Matrikola huma l-qofol tal-edukazzjoni sekondarja.

Għalkemm wasal iż-żmien li pajjiżna jibda jħares lejn eżaminar li minnu jibbenifikaw anke dawk li matul is-sekondarja kellhom għajnuniet minn LSA, bħal pereżempju jkunu introdotti sistemi ta’ eżaminar orali li jagħmlu tajjeb għal dak tradizzjonali bil-kitba għal studenti li għandhom diffikultajiet severi biex jiktbu, jidher li hawnhekk, għadna lura.

Matul dawn l-aħħar ġimgħat diversi għalliema u ġenituri – biex ma nsemmix ukoll xi studenti li mingħajr dubju interpretawha skont kif jidhrilhom – bdew jitkellmu dwar jekk hux veru li l-eżamijiet taċ-ĊES humiex ser ikunu abolixxati a skapitu ta’ eżaminar ieħor. Il-Ministru Evarist Bartolo nnifsu afferma li l-eżamijiet skont kif nafuhom sal-lum mhux talli sejrin jitneħħew imma talli ser ikunu msaħħa skont ir-rakkomandazzjoni żewġ rapporti li saru matul dawn l-aħħar 10 snin. Fil-fatt, dan huwa argument li wkoll ġie kkonfermat mill-Unjin tal-Għalliema li min-naħa tagħha għandha interess ġenwin għax membru mill-Kunsill tagħha jpoġġi wkoll fuq il-bord tal-MATSEC.

Għalhekk, fid-dawl ta’ kif jistgħu jissaħħu l-eżamijiet tal-Matrikola, tajjeb li jitqies kollox u anke nagħtu ħarsa lura.

F’Ottubru li għadda kien imħabbar li l-eżamijiet tal-matrikola sejrin jiżdiedu fil-prezz. Dan mingħajr dubju ġab reazzjoni miegħu kemm minn diversi ġenituri li lmentaw minħabba dawn iż-żidiet li jkomplu jagħmluha diffiċli sabiex ilaħħqu mal-edukazzjoni ta’ wliedhom imma wkoll mill-Oppożizzjoni. F’konferenza tal-aħbarijiet tal-Oppożizzjoni, dak iż-żmien ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Joe Cassar u jien argumentajna dwar kif din id-deċiżjoni sejra tħalli impatt soċjali anke jekk il-MATSEC jeħtieġlu jibqa’ sostenibbli. Dakinhar jiena argumentajt li ż-żieda fil-miżati sejra tħalli impatt negattiv fuq diversi suġġetti li mhumiex meqjusa b’daqstant importanti minħabba li studenti ser jagħżlu li ma joqogħdux għalihom la darba jistgħu jgħaddu mingħajrhom.

Interessanti ferm li nirrimarka li fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, il-MATSEC kien talab sabiex jiżdiedu l-miżati imma dan qatt ma mmaterjalizza. Fir-realtà, il-MATSEC tista’ ssaħħaħ is-sostenibilità tagħha b’diversi modi u b’hekk tkun tista’ tgħolli l-livell tal-eżamijiet li toffri.

Fil-każijiet fejn il-ħlas tal-miżati jkun eżentat minħabba każijiet soċjali, dan għandu jerfa’ l-piż finanzjarju tiegħu l-Gvern b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u mhux l-Università. Għandu wkoll ikun hemm studju ta’ x’infiq qiegħed isir fir-rigward tal-karti tal-eżamijiet u jara kif il-MATSEC jista’ jnaqqas minn din in-nefqa. Irid jiġi assigurat ukoll il-qliegħ massimu minn past papers u utilizzazzjoni aħjar ta’ dawn fl-iskejjel tal-Gvern waqt li jkun hemm kollaborazzjoni akbar bejn il-MATSEC u l-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti biex il-profitt mill-bejgħ ikun dejjem aktar massimizzat. Sfortunatament, jekk dan sar jew sejjer isir għandu jkun magħruf. Madankollu, id-deċiżjoni li l-Gvern jgħolli l-miżati kienet bla dubju l-aktar triq faċli biex il-MATSEC tlaħħaq mal-ispejjeż tagħha.

Għalhekk, la darba din kienet id-deċiżjoni, konna nistennew li l-istandards tal-eżamijiet ikunu ta’ kwalità aħjar. Sfortunatament, id-diversi żbalji li nstabu f’diversi karti tal-eżamijiet ma jagħmlux għajb għall-ħlas żejjed li ħallsu l-familji Maltin. Almenu konna nistennew livelli ogħla.

Diversi għalliema qajmu wkoll il-punti tagħhom f’dak li jirrigwarda l-livelli akkademiċi tal-karti nfushom. Dan huwa suġġett delikat immens. Irridu noqogħdu attenti li waqt li qegħdin nissieltu biex intejbu l-istatistika relatata mas-suċċessi akkademiċi f’pajjiżna, ma nnaqsux il-livelli biex imbagħad nidhru li sejrin ‘il quddiem. Xi kultant wisq nibża’ li dal-Gvern huwa biss ikkonċernat mill-istatistika u lest li jtejjeb ir-riżultati akkost ta’ kollox. L-aqwa li nidhru li ‘sirna tajbin’.

B’danakollu, nittama li meta l-Ministru jgħid li qiegħed ikollu diskussjonijiet miftuħa sabiex itejjeb is-sistema tal-Matrikola, qiegħed jikkunsidra kollox u li verament lest ipoġġi fuq il-mejda u jikkonsulta kif mistenni. Nittama wkoll, li fuq kollox iqis li l-MATSEC tagħti l-massimu u ċerti żbalji ma jerġgħux ikunu ripetuti specċjalment issa li l-istudenti Maltin qegħdin iħallsu prezz ogħla għall-eżamijiet.