Karl Cutajar, li għad għandu 18-il sena u li aktar kmieni din il-ġimgħa kien żvelat li hu d-Direttur tal-kumpanija tas-securities mwaqqfa mill-Gvern, jirriżulta li hu n-neputi taċ-Chief of Staff tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona.
Filfatt Karl Cutajar jiġi n-neputi ta’ Mario Azzopardi li jmexxi direttament hu bħala Chief of Staff tal-Ministeru ta’ Chris Cardona.
Dan ifisser li b’din il-ħatra ‘Tagħna Lkoll’ ta’ Karl Cutajar f’pożizzjoni daqstant sensittiva u mingħajr ma għandu l-ebda esperjenza f’dan il-kamp delikat tas-sigurtà, Mario Azzopardi qiegħed ikun jimpjega fil-Ministeru ta’ Chris Cardona t-tieni persuna mill-familja tiegħu. Dan għaliex fil-Ministeru għall-Ekonomija mmexxi mill-Ministru Chris Cardona diġà hemm impjegata bintu Cheryl. Inċidentalment Gabriel Cutajar, li jiġi ħu Karl Cutajar, fix-xhur li għaddew iddaħħal jaħdem fil-Freeport.
Ritratt: Il-Ministru Chris Cardona flimkien ma’ Mario Azzopardi, li Karl Cutajar jiġi neputih
Jirriżulta li din ma hix l-ewwel ħatra importanti li qed tingħata lil Karl Cutajar, li ghad ghandu 18-il sena. Fil-fatt hu diġà membru fuq il-Bord tal-MIMCOL li tieħu ħsieb l-investimenti tal-Gvern.
Jirriżulta wkoll skont il-Memorandum of Understanding ta’ din il-kumpanija, li Karl Cutajar mhux biss Direttur f’din il-kumpanija, iżda hu wkoll is-Segretarju tagħha u jokkupa wkoll il-kariga li jirrappreżenta lill-kumpanija f’kull kwistjoni legali li jista’ jkollha.
Fil-fatt minħabba li hu jgawdi wkoll ir-rwol ta’ rappreżentanza ġuridika tal-kumpanija għandu d-dritt li jirrappreżentaha f’kull kawża li jista’ jkollha u għalhekk hu awtorizzat li jidher f’isimha bħala r-rappreżentant legali u ġuridiku tagħha.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, Jason Azzopardi, ix-Shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista tad-Drittiiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u d-Demokrazija, qal li hu jibqa’ jistaqsi u jfittex il-mottiv dwar x’kien l-iskop tal-Gvern li jwaqqaf din il-kumpanija ġdida tiegħu tas-securities.
Dwar dan l-atteġġjament tal-Gvern id-Deputat Ċensu Galea, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, qal li hu verament stramb kif minn tant impjegati fiċ-Ċivil, ikollu jkun persuna ta’ tmintax-il sena li tkun appuntata f’kariga daqstant importanti f’din il-kumpanija.
Fil-Gurnal in-Nazzjon, il-Gimgha se jkunu zvelati aktar dettalji dwar dan il-kaz u b’ritratti tal-persuni involuti
//= $special ?>


