Il-Gvern qed jirrifjuta li jippubblika lista tax-xogħol li wettqet s’issa Sai Mizzi, il-mara tal-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi. Minkejja li l-Gvern qed jagħti €13,000 fix-xahar lill-mara tal-Ministru bħala Mibgħuta Speċjali tal-Malta Enterprise għal Malta fiċ-Ċina, għall-Gvern, il-paga li qed taqla’ l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi hi irrelevanti.
Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat, Sai Mizzi għandha tkun iġġudikata mix-xogħol li qed tagħmel u mhux mill-paga tagħha. It-Tlieta li għadda, fil-Parlament, Muscat iddefenda b’sahha kbira l-paga ta’ €13,000 fix-xahar li qed tieħu l-mara ta’ Konrad Mizzi, għalkemm fl-istess waqt ammetta l-kritika kollha li qed issir.
Dwar li ħadd ma jaf fejn qegħda u x’inhi tagħmel il-mara ta’ Konrad Mizzi, Joseph Muscat qal li fil-ġimgħat li ġejjin suppost se ssir preżentazzjoni dwar xi rnexxielha tagħmel Sai Mizzi. Muscat kompla jiddefendi l-ħatra ta’ Sai Mizzi għax skont hu, avolja Sai Mizzi hi l-mara ta’ Ministru, xorta tista’ tintgħażel mingħajr sejħa għall-interess.
Il-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi ilha tqajjem mistoqsijiet sa mir-rebħa elettorali tal-Partit Laburista fl-2013. Dan hekk kif il-Gvern Laburista qatt ma spjega u ppubblika informazzjoni dwar ix-xogħol li qed tagħmel fl-Asja l-mara ta’ Konrad Mizzi.
//= $special ?>

