Ambjent Knisja Lokali

“Il-politiċi għandhom obbligu li joffru Malta aħjar lil uliedna” – l-Arċisqof

“Min għandu l-awtorita’ f’pajjiżna għandu l-obbligu li lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin joffrilhom Malta aħjar, jew għallinqas sabiħa daqs kemm sibniha. Ma jfissirx li għax art mhix barra miż-żona tal-iżvilupp allura għandna bilfors nibnuha konkrit u neqridha.”

Kliem l-Arċifqof Charles J. Scicluna li f’attivita’ li saret fis-Seminarju tal-Arċisqof, f’Tal-Virtu, l-Erbgħa filgħaxija ppreżenta u fisser l-Enċiklika maħruġa mill-Papa Franġisk fl-aħħar jiem.

Għal din l-attivita’ attendew mhux biss qassisin u reliġjużi oħra imma wkoll numru mdaqqas ta’ lajċi. Preżenti wkoll Francesco Pio Attard, li ttraduċa din l-Enċiklika għall-Malti.

Fl-ispjegazzjoni tiegħu l-Arċisqof enfasizza fuq il-partijiet tal-enċiklika li l-iktar jolqtu lil Malta, fosthom il-protezzjoni tal-ambjent, f’mument fejn dan jinsab taħt theddida u fiċ-ċentru tal-kontroversja minħabba l-kostruzzjoni li għaddejja madwar Malta.

“Anke’ fl-Universita’ ta’ Malta għandna l-Fakulta’ tal-Ambjent Mibni,” qal b’nofs ċajta l-Arċisqof, li kompla li jittama li l-ambjent kollu ta’ Malta ma jispiċċax mibni.

Arcisqof Charles Scicluna

L-Arċisqof qal li meta wieħed jeqred post mhux abitat, ma jkunx qed jagħmel il-ħajja aħjar u jekk ma nibżawx għan-natura nkunu qed infarrku lilna nfusna. “Jekk ma jibqax xagħri fejn ingawdi pjanti u annimali endemiċi, qed inċaħħad lil uliedi minnhom,” wissa’ l-Arċisqof Scicluna.

Fid-dawl ta’ dan apella lill-politiċi Maltin biex il-politika tagħhom tkun mibnija fuq din l-enċiklika imma għamel ukoll twissija li l-Knisja għandha l-obbligu li hi wkoll titkellem u tiddefendi l-ambjent. “Id-dmirijiet lejn in-natura jiffurmaw parti mill-fidi nisranija,” fakkar l-Arċisqof Scicluna.

Madankollu l-Arċisqof għamilha ċara li mhux kollox ħażin u fil-passat ittieħdu deċiżjonijiet li qed jgħinu biex l-ambjent Malti u l-kwalita’ tal-ħajja titjieb. Fost dawn semma’ r-riċiklaġġ bħala storja ta’ suċċess.

Enfasizza li l-Enċiklika mhix hemm biex tissostitwixxi lill-politika imma biex timmotiva deċiżjonijiet maħsuba bil-għaqal u biex min hu fil-politika ma jibżax mill-prezz li jħallas meta jitkellem u jiddefendi l-ambjent.

“Il-Knisja mhix sostitut tal-politika. Imwiegħed l-appoġġ lill-politiċi imma wkoll se nkunu ta’ kritika fejn hemm bżonn. Il-Knisja għandha responsabbilta’, bħalma għandom il-politiċi li jieħdu ħsieb u joffru Malta sabiħa anke’ lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” temm jgħid l-Arċisqof Scicluna, li appella biex kulħadd jaħdem flimkien għall-ġid tal-ambjent, irrispettivament mill-kuluri u r-rwoli li nħaddnu.