Fir-Residenza San Vinċenz de Paul qed jiġi investigat każ li fih qed jiġi allegat li familjari ta’ residenti qabdu wieħed mill-impjegati tal-ward isawwat anzjan fil-Psychogeriatric Ward Men.
Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, meta wieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono li staqsiet ukoll x’tip ta’ investigazzjoni qed issir fuq dan il-każ; jekk il-persuna fil-każ ġietx sospiża mix-xogħol u jekk iva, meta din il-persuna ġiet sospiża mix-xogħol jew inkella għadhiex taħdem fir-Residenza San Vinċenz de Paul fuq xogħol differenti.
Il-Ministru Farrugia qal li l-allegat każ ġie kkomunikat lill-amministrazzjoni ta’ San Vincenz l-għada li allegatament seħħ l-inċident. L-investigazzjonijiet bdew mill-ewwel, skont il-proċeduri stabbiliti, waqt li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa skont Regolament 20 tal-Kodiċi għall-Immaniġġjar tas-Servizz Pubbliku.
L-amministrazzjoni ser tkun qed tieħu dawk il-passi kollha meħtieġa skont l-eżitu tar-riżultati li joħorġu mill-investigazzjonijiet.
//= $special ?>