Lokali

L-Oppożizzjoni tippreżenta Mozzjoni Parlamentari biex il-Gvern jippubblika dak kollu relatat mal-Power Station tal-gass

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat lill-Ispeaker tal-Parlament Mozzjoni biex il-Gvern jippubblika mill-aktar fis possibbli dak kollu relatat mal-garanzija bankarja li ta lill-Konsorzju privat Electrogas, li jrid jibni l-Power Station f’Delimara.

Permezz tal-Mozzjoni, ippreżentata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario De Marco, mix-Shadow Ministers Marthese Portelli u Claudio Grech, kif ukoll mill-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius, l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex jgħid x’inhu l-impatt finanzjarju fuq il-pajjiż minħabba d-dewmien tal-bini tal-Power Station. Qed tistaqsi wkoll għaliex, għall-ewwel darba f’pajjiżna, il-Gvern ta garanzija bankarja lil Konsorzju privat.

F’Diċembru tas-sena li għaddiet, il-Gvern awtorizza li tingħata garanzija bankarja ta’ 88 miljun ewro biex ikun kopert is-self tal-Konsorzju privat Electrogas. Madankollu, kellha tkun il-media indipendenti li kixfet dan kollu sitt xhur wara. Il-Gvern awtorizza l-garanzija bankarja biex il-Bank ikun kopert f’każ li tmur xi ħaġa ħażina fil-proġett tal-Electrogas imwiegħed mill-Gvern Laburista.

Fil-Mozzjoni, l-Oppożizzjoni qed titlob ukoll biex il-Ministru Konrad Mizzi jpoġġi kopja tal-ftehim li ġie ffirmat mal-kumpanija Electrogas, inkluż kull ftehim marbut mal-bini tal-Power Station u x-xiri tal-elettriku. Dan minbarra li l-Ministru Mizzi għandu jagħti wkoll data definittiva meta se tibda titħaddem il-Power Station tal-gass.