Internazzjonali Unjoni Ewropea

L-UNGERIJA:Ma ssospendietx ir-regola għall-kenn tal-immigranti

L-Ungerija qed tgħid li ma ssospendietx ir-regola tal-Unjoni Ewropea li tirrigwarda l-ipproċessar tat-talbiet tal-persuni għall-kenn. L-istqarrija ngħatat jum biss wara li s-sospensjoni kienet tħabbret mill-awtoritajiet f’Budapest.
Il-Ministru Ungeriż għall-Affarijiet Barranin, Peter Szijjarto, qal li l-Gvern tiegħu sempliċement kien talab għaż-żmien biex jieħu ħsieb is-sitwazzjoni tal-eluf tal-immigranti li qed jaqsmu l-fruntieri tal-Ungerija.
Szijjarto kkummenta b’dan il-mod wara li l-Awstrija, ġara tal-Ungerija u bħalha, membru tal-UE, irreaġixxiet b’rabja għal kwalunkwe suġġeriment dwar il-posponiment tar-regola inkwistjoni min-naħa ta’ Budapest.
Ir-regola tal-UE li tirrigwarda t-talbiet għall-kenn issostni li l-ipproċessar tat-talba minn persuna li qed ifittex l-ażil, is-soltu jsir mill-ewwel pajjiż tal-UE fejn tkun waslet dik il-persuna.
Skont l-hekk imsejħa Regola ta’ Dublin, l-Ungerija tinsab fid-dmir li tieħu lura l-barranin li qed ifittxu kenn politiku u li jkunu daħlu l-ewwel fit-territorji tagħha qabel komplew jivvjaġġaw lejn stati oħra tal-UE.
Intant, l-Ungerija qed issostni li hi saret zona għad-dħul popolari għall-immigranti li qed jivvjaġġaw lejn l-Ewropa fuq l-art. Din is-sena hu magħruf li aktar minn 60,000 immigrant daħlu illegalment fl-Ungerija.