Hu tal-mistħija kif Joseph Muscat u Toni Abela nfexxew f’attakk fuq tliet ħaddiema li huma missirijiet bi tfal żgħar u jgħajruhom spjuni bil-għan li jtellfulhom il-ħobża ta’ kuljum, meta huma u dawk viċin tagħhom qed jieklu minn bosta ħluq. Għax jinsabu daharhom mal-ħajt fuq diversi skandli li qed jiġu żvelati, Muscat u Toni Abela qed jinfexxu jattakkaw lit-tliet ħaddiema sempliċiment għax kienu qed jgħinu lil Deputat tal-Oppożizzjoni.
Dan qalu f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami, li esprima wkoll ir-rabja tiegħu għall-fatt li l-Prim Ministru u d-Deputat Mexxej Laburista ilhom kważi ġimgħatejn jattakkaw u jiddeskrivu bħala “spjuni” lil tliet missirijiet li ddiskutew l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-partit li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala l-Partit tal-Ħaddiema spiċċa jattakka tliet ħaddiema sempliċiment għax huma tal-fehma politika differenti. U fl-istess waqt li Muscat qed jibqa’ jattakka tliet missirijiet, li tnejn minnhom spiċċaw sospiżi mix-xogħol b’nofs paga, jagħżel li jibqa’ jiddefendi lil xi ħadd li nstab ħati li taħtu ngħaddew files sensittivi u privati lil ħaddieħor. Għal darb’oħra, Peter Paul Zammit inqabad f’att ta’ abbuż tal-poter li tah l-istess Muscat.
Minflok ikun Prim Ministru serju u jieħu azzjoni, Muscat qed jagħżel li jiddefendi lil Peter Paul Zammit, filwaqt li jgħaddi minn kalvarju tliet missirijiet ta’ familji bi tfal żgħar, li l-uniku nuqqas tagħhom hu li m’humiex parti mill-klikka tiegħu. Min-naħa l-oħra, Muscat qed iħalli lil Peter Paul Zammit jokkupa l-kariga tal-Kap tas-Sigurtà taċ-CHOGM u jissalvagwardja l-ħbiberija tiegħu ma’ Zammit minflok iżomm għoli isem Malta.
Taħt dan il-Gvern, il-poplu Malti u Għawdxi ma jistax iserraħ moħħu li l-informazzjoni privata tiegħu se tibqa’ verament privata għax għandna Prim Ministru li jibqa’ jiddefendi lil min instab ħati li abbuża, filwaqt li jippersegwita lil min ma jaqbilx miegħu, sostna l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>
