Kanadiż mingħajr dar uża card tal-bank li kienu f’kartiera li sab fit-triq, u xtara b’€35 sigaretti, ikel u birra minn ħanut tal-merċa.
Perry Thomas Bilsborrow, ta’ 57 sena, fil-Qorti ammetta li ffroda lil sid il-card tal-bank, filgħaxija tat-18 ta’ Ġunju.
L-Ispettur Neville Mercieca qal lill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera li l-Kanadiż daħal jixtri bil-cards li ammetta li kien sab mal-art. Bilsborrow kien diġà nstab ħati ta’ pussess ta’ droga u serq, u kien ingħata sentenza sospiża u kien tqiegħed fuq probation.
Lill-Maġistrat, il-Kanadiż qal li kien jeħtieġ ġimgħatejn biex jagħti lura l-€35 li kien nefaq għax jinsab mingħajr dar u mingħajr xogħol. Il-Maġistrat iddefferiet il-każ għad-9 ta’ Lulju biex tagħtih żmien biżżejjed biex iħallas lura lill-vittma. Dakinhar, mistennija tagħti s-sentenza tagħha.
Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat, li qed jgħix ma’ ħbieb tiegħu f’Tas-Sliema, u ordnatlu jħallas garanzija personali ta’ €1,000 u biex jiffirma fl-għassa kuljum. L-avukat Patrick Valentino kien l-avukat tad-difiża.
//= $special ?>

