Għall-Gvern Laburista jidher li ż-żona tal-Menqa f’Marsalforn mhijiex prijorità turistika. U dan minkejja l-lukanda, id-diversi ristoranti u l-bars li hemm fit-triq. Iżda bħalissa, meta l-istaġun turistiku qed jaqbad ġmielu f’Għawdex, għad hemm ħerba f’din iż-żona partikolari.
Għawdxin li għamlu kuntatt ma’ MaltaRightNow.com qalu li minkejja l-wegħda tal-Gvern li x-xogħol fi Triq il-Menqa kellhom jitlestew sal-bieraħ, “ma tridx tkun xi Perit biex tinduna li għadhom lura”. Fil-fatt, ritratti li rċieva MaltaRightNow.com juru kemm fil-fatt, ix-xogħol għadu lura mhux ħażin.
Fil-pjani tiegħu, u minkejja l-wegħdiet li x-xogħol se jkun lest dalwaqt, il-Gvern mill-ewwel kellu idea li se jtawwal. Dan jirriżulta wkoll mis-sit elettroniku tal-MEPA, fejn tħabbar il-pjan li jieqaf ix-xogħol infrastrutturali f’żoni turistiċi.
Fis-sit elettroniku tal-MEPA tħabbar li l-Gvern se jwaqqaf kwalunkwe xogħol infrastruttrali ġdid f’żoni turistiċi bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru madwar Malta u Għawdex. Fil-każ ta’ Marsalforn, il-Gvern inkluda wkoll Triq il-Port, li tiġi n-naħa l-oħra ta’ Triq il-Menqa. Madankollu, l-unika żona f’Marsalforn (u ż-Żebbuġ) fejn mhix inkluża f’dan il-“Break Time” (kif issejħet fil-website tal-MEPA stess) hi propju ż-żona tal-Menqa (stampa xellug).
Il-persuni li tkellmu magħna qalu li dan qed iwassal għal ħafna tgergir mit-turisti residenti fil-lukanda li hemm fil-Menqa, filwaqt li numru ta’ Għawdxin li jħobbu jgħumu hemm, qed isibu numru ta’ diffikultajiet. Ma tonqosx ukoll il-problema tal-parkeġġ u n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà għall-persuni li jridu jgħaddu minn hemm bil-mixi.