Lokali

Skont Peter Paul Zammit “dan kollu ħanqa ta’ ħmar”

“Dan kollu ħanqa ta’ ħmar”. Hekk stqarr l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit f’reazzjoni għar-rapporti serjissimi li ħarġu dwaru, fejn instab ħati li meta kien imexxi l-Korp tal-Pulizija ġew illijkjati files personali lill-media.

F’kumment li ħalla taħt storja ppublikata fil-portal tal-aħbarijiet MaltaRightNow.com (stampa taħt), Peter Paul Zammit qed jibqa’ jinsisti li din hi biss ħanqa ta’ hmar. Filwaqt li attakka lix-Shadow Minister Nazzjonalista Jason Azzopardi, Zammit sostna li għad toħroħ il-verità dwar min huwa korrott.

Ilbieraħ, il-ġurnal The Times żvela kif l-eks Kummissarju tal-Pulizija nstab ħati mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data li illegalment għadda kopja tal-file tal-Ispettur Elton Taliana lil sezzjoni tal-media, li mbagħad intużat kontra l-Ispettur quddiem il-Qorti. Kawża ta’ dan, il-Kummissarju tal-Pulizija ġie mmultat €500 minħabba l-gravità tal-każ.

Dwar dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista sostna li wara dak li ġie żvelat, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma baqalu l-ebda triq oħra ħlief li jkeċċi minnufih lil Peter Paul Zammit mill-kariga pubblika li għandu fl-Uffiċċju taċ-CHOGM. Id-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data tikkonferma kemm Peter Paul Zammit hu bniedem li ma tistax tafdah fl-ebda kariga pubblika, sostna l-Partit Nazzjonalista.

Peter Paul Zammit Reax Rapport File Elton Taliana 240615