Ħarġet mill-koma l-kantanta ta’ 19-il sena li xi xhur ilu kienu sparawlha f’rasha talli dehret f’konkors tat-talenti popolari f’dan il-pajjiż.
It-traġika Mutlu Kaya kienet għaġġbet lill-udjenza bil-leħen straordinarju tagħha waqt il-programm televiżiv ‘Sesi Cok Guzel’ – simili għal ‘Britain’s Got Talent’. Iżda l-kantanta spiċċat suġġetta għal theddid fuq ħajjitha minn estremisti urtati li jinsistu li n-nisa għandhom jaqdu rwol ferm aktar ‘tradizzjonali’ fis-soċjetà.
Kaya sfidat lill-estremisti u kompliet turi l-ħiliet mużikali tagħha, bir-riżultat li f’Mejju spiċċat aggredita waqt li kienet fid-dar tagħha fil-provinċja ta’ Diyarbakir, lejn ix-Xlokk tat-Turkija, fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Kurdi.
It-tiri sparati lejn Mutlu Kaya dakinar kważi kienu fatali u hi damet ġimgħat tinżamm taħt kura intensiva. Madankollu, issa t-tobba qalu li ‘b’mod mirakoluż’ it-tfajla tidher li rreaġixxiet għat-trattament u għandha kull ċans ta’ fejqan.
L-aħħar bullettin dwar saħħitha sostna li Mutlu tidher qed tirkupra u tinsab mill-ġdid f’sensiha, filwaqt li qed tikkomunika man-nies. Hu mifhum ukoll li din il-kantanta hi konxja għalkollox ta’ dak kollu li qed jiġri madwarha.
L-attakk brutali fuq il-kantanta kien ixxokkja lil eluf kbar ta’ ċittadini tat-Turkija fejn is-soċjetà tirrifletti ħafna differenzi dwar ir-rwol ‘xieraq’ tal-mara fil-pajjiż.
Toħroġ minn koma l-kantanta Torka vittma ta’ attentat
