Aġġornata
Il-mejtin fl-attakk terroristiku li seħħ sigħat ilu fir-resort Tuneżin ta’ Sousse telgħu għal 37, bi kważi erbgħin jisfaw midruba.
L-awtoritajiet Tuneżini intant qalu li l-maqtula jinkludu numru ta’ Britanniċi, Ġermaniżi, Belġjani kif ukoll Tuneżini; bil-Gvern tal-Irlanda issa jsostni li mara Irlandiża wkoll tilfet ħajjitha fl-isparatura.
L-Uffiċjali fit-Tuneżija sadanittant qalu li wieħed mill-aggressuri li wettaq dan l-attakk spiċċa maqtul mill-qawwiet tas-sigurta. Ingħad li l-aggressur inkwistjoni kien qed jippoża ta’ għawwiem u kien qed iġorr azzarin ġo umbrella. Rapporti li ma kenux ikkonfermati, intant, sostnew li l-pulizija Tuneżina qed iżżomm raġel ieħor b’konnessjoni ma’ dan l-attakk.
Intant, il-President tat-Tuneżija, Beji Caid Essebsi, mar iżur il-midruba fl-isptar ta’ Sousse
L-indikazzjonijiet huma li t-terroristi responsabbli mill-attakk użaw dgħajsa u jet-ski biex jaslu fl-inħawi qrib il-Lukanda Imperial Marhaba.
Numru ta’ turisti li kienu qed jixxemmxu fuq il-bajja, għall-bidu, ħasbu li l-isparar kien fil-fatt il-ħsejjes tal-logħob tan-nar fl-inħawi. Iżda mbagħad huma ma damux ma ntebħu li xi ħadd kien qed jispara l-armi tan-nar fost it-twerżiq tan-nies li kienu qed jiġru ma’ kullimkien qalb il-konfużjoni u l-paniku.
Filwaqt li l-ġiħadisti tal-ISIS, fl-aħħar jiem, ħeġġew biex is-sostenituri tagħhom jżidu l-attakki waqt ix-xahar tar-Ramadan ( li hu wieħed qaddis għall-Musulmani) ħadd għadu ma ħareġ jassumi responsabbilta għan-nom tal-grupp qattiel.
Il-Foreign Office ta’ Londra qal li l-Ambaxxata Britannika f’Tunis qed tibgħat crisis team lejn iz-zona ta’ Sousse fejn seħħ il-massakru. Dan waqt li l-Gvern tal-Belġju wissa liċ-ċittadini tiegħu, għalissa, biex ma jivvjaġġawx lejn it-Tuneżija.
//= $special ?>