Aġġornata b’filmat
Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona qal li hu ovvju li ż-żagħżugħ ta’ 18-il sena Karl Cutajar se jżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala Direttur tal-kumpanija tas-sigurta’ li waqqaf il-Gvern.
Fl-aħħar jiem ġie żvelat li n-neputi ta’ Mario Azzopardi, ċ-Chief of Staff tal-Ministru Chris Cardona, inħatar Direttur, segretarju u rappreżentant legali u ġuridiku ta’ kumpanija tas-sigurta’ li waqqaf il-Gvern stess. Karl Cutajar għandu biss 18-il sena u m’għandu l-ebda kwalifiċi f’dan is-settur sensittiv.
Ippressat mill-ġurnalisti ftit tal-ħin ilu, il-Ministru Cardona ta x’jifhem li hi kumbinazzjoni li Cutajar jiġi n-neputi taċ-Chief of Staff tal-Ministeru tiegħu. Qal li meta mal-Gvern ikun hemm eluf ta’ persuni jaħdmu, bilfors li jkun hemm xi ħadd li jiġi minn xi ħadd ieħor fl-istess Ministeru. Kompla li f’dan il-każ, m’hemmx kunflitt ta’ interess.
Il-Ministru Chris Cardona, b’rabta ma’ din il-kumpanija ġdida li waqqaf il-Gvern, qal li ma jafx kemm se jkun hemm impjegati magħha u jista’ jkun li l-anqas biss timpjega lil ħadd peress li l-postijiet tax-xogħol se jinħolqu skont il-bżonn tal-kumpanija.
//= $special ?>
