Sport

Blatter – Jien ma rriżenjajtx

Sepp Blatter indika li jista’ jerġa’ jagħmel tentattiv ieħor biex jibqa’ president tal-FIFA meta nsista li hu “ma kienx irriżenja” mill-kariga tiegħu.

Blatter ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jirriżenja fit-2 ta’ Ġunju, erbat’ijiem biss wara li kien għeleb l-isfida tal-Prinċep Ali bin Al Hussein fl-elezzjoni peresidenzjali li saret fost kontroversja kbira wara li disa’ uffiċjali tal-FIFA kienu arrestati fuq akkużi ta’ frodi, konspirazzjoni u korruzzjoni.

Il-FIFA l-ġimgħa l-oħra irrifjutat suġġerimenti li Blatter kien se jagħmel U-turn u jikkontesta l-elezzjoni, wara xnigħat li l-President ta’ 79 sena jista’ jiġi konvint li jerġa’ jitfa’ n-nomina tiegħu għal darb’oħra.

Madankollu issa Blatter kabbar ix-xnigħat li aktarx jerġa’ jikkontesta u qal li l-futur tiegħu hu f’idejn dawk li eleġġewh President mill-ġdid.

“Jien ma rriżenjajtx imma qed noffri l-mandat tiegħi waqt laqgħa tal-kungress straordinarju,” qal Blatter lill-ġurnal Blick.

“Huma biss dawk li jafu l-passat li jistgħu jifhmu l-preżent u jfasslu l-futur.”

Blatter li kien qed jattendi għal attività fejn hu pjanat li jinbena mużew tal-FIFA fi Zurich.

“Il-mużew hu xogħol ta’ mħabba. Imma ma rridtx ninftiehem ħażin. Għadni m’inix lest biex inkun tax-xama għalissa fil-mużew.”

L-Iżvizzeru se jibqa’ fil-kariga almenu sakemm is-sir il-kungress straordinarju u l-Eżekuttiv tal-FIFA mistenni li jagħżel id-data tal-elezzjoni waqt laqgħa li se ssir fl-20 ta’ Lulju.