Internazzjonali

Eks-kmandant tal-ISIS twissi lit-tfajliet biex ma jemmnux il-propaganda qarrieqa tal-ISIS

Eks-kmandant tal-Istat Iżlamiku, tfajla ta’ 23 sena, li ħarbet mill-“kaliffat”, qed twissi lil tfajliet żgħar biex ma jemmnux il-propaganda li tingħadilhom għax il-ħajja għat-tfajliet taħt il-mexxejja tal-Istat Iżlamiku hi kiefra.

It-tfajla, li qed tuża l-isem “Um Asma” minħabba biża’ li tiġi identifikata, qalet li kienet tilqa’ lit-tfajliet li jaqsmu lejn is-Sirja mit-Turkija u kienet tintroduċihom għal dak li jistennihom. Sostniet imma li l-ħajja fl-armata “bl-uniformi s-sewda” hi iebsa anke għaliex nisa jiġu msawta, mibjugħa u mħaġġra waqt li spjegat li fit-territorju, katavri qed jitħallew għall-wiri pubbliku għal diversi ġimgħat.

Um Asma kienet qed titkellem f’intervista mal-gazzetta Ġermaniża Bild am Sonntag. Ammettiet li ġieli laqgħet mal-50 tfajla f’darba, l-iktar mir-Renju Unit, minn Franza u mill-Ġermanja, u kienet teħodhom fil-‘kapitali’ tal-Istat Iżlamiku, Raqqa. Hemmhekk kienu jibdew kors intensiv ta’ erba’ ġimgħat taħriġ, jitgħallmu kif jużaw arma u jistudjaw il-Koran.

Um Asma ammettiet li kienet tifforma parti mill-grupp terroristiku tan-nisa al-Khansa imma li dan kellha tagħmlu bil-fors meta Raqqa waqgħet f’idejn it-terroristi fl-2013. Qalet li qabel is-Sirja spiċċat fi gwerra, fl-2011, hi kienet tilbes b’mod normali, kellha ħbieb Kristjani, kienet tisma’ l-mużika u kienet anke tmur tiżfen.

Meta urewha ritratt ta’ tfajla ta’ 15-il sena mill-Ġermanja li hi rrappurtata nieqsa, Um Asma stqarret li hi għenitha tidħol f’Raqqa mit-Turkija imma nsistiet li t-tfajla mhi qatt se tirritorna l-Ġermanja ħajja.