Il-plejer Amerikana Abby Wambach tinsab fl-inkwiet mal-FIFA wara kummenti li għaddiet fil-konfront tal-uffiċjali.
Wambach ingħatat twissija wara li għaddiet kumment xejn kumplimentuż dwar id-deċiżjoni tar-referee Franċiża Stephanie Frappart li tat karta safra lil Megan Rapinoe u Lauren Holiday fir-round tal-aħħar 16 tat-Tazza tad-Dinja tan-nisa kontra l-Kolombja nhar it-Tnejn.
“Ma nafx jekk kienux sofor. Għalija deher li r-referee kienet qed turi l-karti sofor apposta lil dawk li kienet taf li kellhom karti sofor oħra. Ma nafx jekk dan kienx att psikoloġiku. Min jaf?”
Aktar tard Wambach talbet skuża u qalet “M’inix f’moħħ ir-referee u din hi xi ħaġa li nammetti u niskuża ruħi għaliha,” qalet il-plejer Amerikana.
Madankollu Wambach xorta waħda tista’ tiġi dixxiplinata u l-FIFA qalet li l-apoloġija ta’ Wambach tikkonferma li hemm possibiltà li l-plejer tiġi dixxiplinata.
“Iċ-Chairman tal-Kumitat tad-dixxiplina tal-FIFA ħa inkonsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha fil-każ, inkluż il-fatt li Abby Wambach refgħet ir-responsabbiltà u talbet skuża fil-ħin proprju,” qalet l-istqarrija tal-FIFA.
L-attakkanta Kanadiża Christine Sinclair ukoll kienet għaddiet kummenti mhux xierqa fuq l-uffiċjali wara li t-tim tagħha tilef kontra l-Istati Uniti fl-Olimpjadi tal-2012 u aktar tard kienet ingħatat erba’ partiti sospensjoni għal imġieba sportiva mhux xierqa.
//= $special ?>

