Joey Barton insista li l-plejers u l-kowċis m’għandhomx tort għall-falliment tal-Ingilterra fit-turnament internazzjonali U/21 wara li kien eliminat mill-kampjonati Ewropej.
It-tim ta’ Gareth Southgate spiċċa fl-aħħar post tal-grupp tiegħu fir-Repubblika Ċeka u reġa’ qajjem kritika dwar l-istat tal-futbol fl-Ingilterra.
L-eks midfielder ta’ QPR Barton qal li l-Ingiliżi se jibqgħu jagħtu prestazzjonijiet bħal dawn, riżultat ta’ problema kulturali.
“Kulħadd irid iwaħħal f’xi ħadd u dan mhux il-każ. Mhumiex il-plejers jew l-istaff tekniku. Dan hu akkumulazzjoni ta’ ħafna affarijiet. Il-kultura fil-futbol Ingliż trid tinbidel. It-tim nazzjonali se jibqa’ jisfaxxa f’kull turnament li jilgħab fih minħabba f’hekk.”
Raheem Sterling, Jack Wilshere, Ross Barkley, Phil Jones u Alex Oxlade-Chamberlain, kollha kienu eliġibbli għat-turnament imma ma ssejjħux fl-iskwadra.
“L-FA għandha tagħmilha ċara ma’ dawn il-plejers li jekk ma jkunux disponibbli jilagħbu mal-U/21 jekk jissejħu fl-iskwadra, mhux se jkunu kunsidrati għat-tim nazzjonali tal-kbar għall diversi snin. Irridu nerġgħu ndaħħu l-mentalità ta’ prestiġju li wieħed jirrappreżenta lil pajjiżu fi kwalunkwe livell,” qal Barton.
//= $special ?>

