Ewropa Internazzjonali Lokali

Il-mexxejja tal-UE jaqblu li jirrilokaw 40,000 immigrant li waslu l-Italja u l-Greċja

Fl-aħħar sigħat il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qablu li jirrilokaw mal-40,000 immigrant irregolari li waslu fl-Italja u l-Greċja. Id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa tal-Kunsill Ewropew fl-aħħar sigħat, li għaliha attenda wkoll il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.

Siti internazzjonali qed jirrappurtaw li l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk qal li fis-sentejn li ġejjin se jkunu rilokati 40,000 immigrant għand l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

S’issa għadu mhux magħruf jekk Malta hux se tieħu porzjon minn dawn l-40,000 immigrant irregolari li se jkunu rilokati. L-iskema ta’ kif dawn l-40,000 immigrant se jitqassmu għand il-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea mistennija tkun finalizzata sa’ Lulju li ġej.

Dan filwaqt li fl-istess laqgħa tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar is-sistema proposta tal-kwota biex il-pajjiżi membri jaqsmu r-responsabbilta’ għall-influss tal-immigrazzjoni rregolari fl-Ewropa.