Bil-fatti, il-Partit Nazzjonalista qed jagħti importanza lin-nisa, bl-aħħar deċiżjonijiet li ttieħdu fi ħdan il-Partit huma xhieda ċara ta’ dan. Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li kien mistieden biex jindirizza l-Akkademja Ewropea tal-fergħa tan-nisa tal-Partit Popolari Ewropew, li qed issir f’Malta f’dawn il-jiem u li ġiet organizzata mill-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN)
Simon Busuttil fakkar li meta laħaq Kap tal-Partit, ried iġib miegħu bidla u fost l-oħrajn ħeġġeġ aktar il-parteċipazzjoni tan-nisa. Riċentament, il-Partit kellu wkoll il-ħatra ta’ Segretarju Ġenerali mara, Rosette Thake, kif ukoll l-elezzjoni ta’ disa’ nisa fl-Eżekuttiv tal-Partit u allura l-istess ammont daqs irġiel, kif ukoll Shadow Cabinet iffurmat minn ħames nisa u ħames irġiel.
B’referenza għall-aġenda ta’ din l-Akkademja, jiġifieri l-importanza diġitali għas-soċjetà u l-ekonomija, Simon Busuttil appella biex l-istituzzjonijiet Ewropej, inkluż il-Kummissjoni Ewropea u l-Partit Popolari Ewropew, għandhom jagħmlu aktar enfażi fuq is-settur tal-ICT biex ikompli jikber.
Biex dan isir, Simon Busuttil qal li għandhom ikunu sfruttati l-kapaċitajiet tan-nisa, xi ħaġa li tista’ sseħħ biss jekk in-nisa jkunu mħeġġa jidħlu jaħdmu fl-industrija diġitali. Simon Busuttil kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Rosette Thake u mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia.
//= $special ?>

