Lokali

Imfakkar il-Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż tad-Droga u t-Traffikar Illeċitu

“Niżviluppaw ħajjitna, l-identitajiet tagħna u l-komunitajiet tagħna … mingħajr drogi” hi t-tema tal-Jum Internazzjonali Kontra l-Abbuż tad-Droga u Traffikar Illeċitu, li qed jitfakkar illum. Is-26 ta’ Ġunju 2015 hu wkoll il-21 anniversarju mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa, li hi l-Aġenzija Nazzjonali kontra l-abbuż ta’ droga u sustanzi oħra li jagħmlu ħsara lin-nies.

Hu stmat li s-sena li għaddiet, l-Aġenzija Sedqa għenet medja ta’ 1,200 klijent bis-servizz tas-Substance Misuse Out-Patient Unit (Detox Centre) fi Gwardamanġa. Barra minhekk, kienu madwar 700 l-persuni li ta’ kuljum jagħmlu użu minn dan is-servizz għat-trattament meħtieġ kontra d-droga.

Medja ta’ 500 persuna oħra ġew mgħejjuna permezz tas-servizz fil-komunità. Dan is-servizz għandu l-għan li jħeġġeġ individwi li jikkomettu ruħhom għal stil ta’ ħajja differenti, filwaqt li jassistihom biex jiksbu ħajja sana ‘l bogħod mid-droga.

Fil-qasam tal-prevenzjoni, l-Aġenzija Sedqa għamlet bosta interventi, fosthom fl-iskejjel, bħall-“Beginning Alcohol and Addictions Basic Education Studies” (BABES) u oħrajn fil-komunitajiet jew fil-postijiet tax-xogħol. Fil-fatt, is-sena li għaddiet is-Servizz tal-Prevenzjoni tal-Aġenzija Sedqa ta aktar minn 2,500 sessjoni ta’ informazzjoni lil madwar 22,000 persuna.

Barra minhekk, is-Servizz tal-Prevenzjoni ħadem bis-sħiħ fuq diversi programmi, fosthom is-Substance Abuse Free Employees (SAFE), li għandu l-għan li jqajjem għarfien dwar l-abbuż tad-droga fil-post tax-xogħol. F’dan il-każ, min iħaddem u l-impjegati tagħhom jingħataw taħriġ u tagħrif dwar kif l-abbuż mid-droga jista’ jiġi evitat.

Is-sena li għaddiet, l-Aġenzija Sedqa tat madwar 150 sessjoni ta’ informazzjoni dwar dan, b’madwar 1,200 persuna pparteċipat għal dan it-taħriġ. Mindu ġie mniedi l-programm SAFE, 41 entità li għamlu l-programm, għażlu li jibdew jimplimentaw is-Substance Abuse and Gambling Policy, li l-Aġenzija Sedqa nediet ftit ilu.

L-Aġenzija Sedqa temmen li s-SAFE policy għandha tingħata importanza f’kull post tax-xogħol, sew jekk f’kumpaniji privati kif ukoll dawk governattivi. Għaldaqstant, bħalissa qed taħdem mill-qrib mal-Public Administration Human Resources Office (PAHRO), bil-għan li fix-xhur li ġejjin, din il-policy tiġi implimentata wkoll fost l-impjegati kollha fis-Servizz Pubbliku.

F’dan il-każ, din il-politika mistennija tilħaq aktar minn 36,000 persuna.

Sadanittant, għall-okkażjoni tal-istess Jum Internazzjonali, il-Korp tal-Pulizija nieda filmat biex titqajjem kuxjenza dwar it-teħid tad-droga u sustanzi illeċti oħra.