Filwaqt li l-proposti tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker dwar l-immigrazzjoni kienu pass fid-direzzjoni t-tajba, ir-riżultat tas-Summit Ewropew hu wieħed diżappuntanti.
Meta kien qed jagħlaq Konferenza dwar dan is-suġġett, organizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li s-solidarjetà bejn il-pajjiżi għandha tkun parti minn mekkaniżmu mandatorju, iżda din xi ħaġa li ma kienx hemm qbil dwarha fis-Summit. Qal li l-Gvern kellu jagħfas aktar biex Malta tkun inkluża fil-mekkaniżmu għax issa tinsab fis-sitwazzjoni ironika li taċċetta immigranti mill-Italja u mill-Greċja. Simon Busuttil qal li l-formula kif mahduma mhux gusta ma’ Malta.
Simon Busuttil ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni lokali u laqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li d-dibattitu f’Malta sar anqas isteriku u aktar ċivilizzat. Fost ir-ragunijiet dovuti għal din il-bidla huma t-tnaqqis drastiku ta’ wasliet ta’ immigranti grazzi għall-Missjoni Taljana “Mare Nostrum”. Raġuni oħra hi l-bidla fl-atteġġjament tal-Gvern minn meta kien fl-Oppożizzjoni. Fl-aħħarnett, l-Oppożizzjoni offriet l-id tal-kunsens biex l-immigrazzjoni ma tibqax ballun politiku.
Dwar id-dibattitu fuq livell Ewropew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan qed jinżel fuq livelli ridikoli, bil-pajjiżi jilletikaw bejniethom u qed jerġgħu jittellgħu fruntieri li tneħħew 25 sena ilu.
Il-Konferenza infetħet mill-MEP Roberta Metsola, li fid-diskors tagħha ffukat dwar il-problemi li qed jiffaċċja r-reġjun tal-Mediterran. Minbarra l-migrazzjoni, hemm is-sitwazzjoni instabbli fil-Libja, it-terroriżmu, il-qagħda ekonomika Griega u l-gwerra fis-Sirja, li jiżdiedu mal-problemi li ilhom magħna s-snin, bħal-Lvant Nofsani u l-qasma f’Ċipru.
//= $special ?>