Internazzjonali

Jibda l-proċess ta’ Franċiża akkużata bil-qtil tat-tmien trabi

Mara Franċiża akkużata dwar il-qtil tat-tmien trabi tagħha żvelat ‘il-biża’ li uliedha kienu l-frott tar-relazzjoni li hi kellha ma’ missierha, li kien miet fl-2007.

Il-mara, Dominique Cottrez, qed tkun ipproċessata dwar l-omiċidji ta’ minorenni li seħħew ftit wara li twieldulha t-trabi. Hi tista’ teħel il-ħabs għal għomorha jekk tinstab ħatja fil-proċess tal-qorti li qed isir bħalissa fil-belt Franċiża ta’ Douai.

Il-katavri taċ-ċkejknin kienu nstabu fid-dar ta’ Cottrez u l-madwar, fl-2010, bl-omiċidji jħallu lill-pajjiż issummat u mbikkem.

Din il-mara ta’ 51 sena, omm ta’ żewġt ibniet adulti, qalet lill-investigaturi li hi kienet ‘welldet imbagħad qatlet’ lit-trabi f’perijodu ta’ aktar minn għaxar snin. Il-fatt li Cottrez għandha piż mhux ħażin għenha taħbi ċ-ċirkostanzi fejn inqabdet tqila u fejn ma kienu ndunaw b’xejn żewġha, uliedha, il-ġirien tagħha kif ukoll it-tobba ta’ sptar fil-viċinanzi.

Intant, numru ta’ esperti forensiċi u pskijatriċi, flimkien ma’ spetturi tal-pulizija u xhieda (li jinkludu żewġha u uliedha) għandhom jitilgħu jixhdu f’dan il-proċess tal-qorti li għadu kemm beda.

Dominique Cottrez anki żvelat passat tal-waħx lill-investigaturi fejn qalet li hi kienet ilha tkun stuprata minn missierha mindu kellha biss tmien snin; bl-abbuż ikompli fi tfulitha u waqt l-adolexxenza tagħha. Ir-‘relazzjoni’ ta’ Dominique ma’ missierha kompliet anki wara li hi żżewġet, b’din il-mara ssostni li kollox kien qed isir ‘bil-kunsens tat-tnejn’ u li ‘hi kienet tħobb lil missierha aktar milli lil żewġha’.