Lokali Parlament

Konrad Mizzi u Chris Fearne bi dħul mhux spjegat

Mid-dikjarazzjonijiet tal-assi tat-23 membru fil-Kabinett tal-Prim Ministru Joseph Muscat, żewġ membri tal-Gvern ta’ Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru ta’ Konrad Mizzi, Chris Fearne, ma spjegawx id-dħul li ddikjaraw meta l-ammont hu ħafna ogħla mis-salarju ta’ Ministru.

Mid-dikjarazzjonijiet tal-Assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li kienu ppreżentati mill-Prim Ministru fil-Parlament dinnil-ġimgħa, jispikkaw żewġ dikjarazzjonijiet – dik tal-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi u tas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne.

Id-dikjarazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi hi mill-aktar xotta, sempliċi u bl-anqas dettalji possibbli. L-istess għamel is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne meta ddikjara d-dħul li rċieva s-sena li għaddiet.

Membri oħrajn tal-Kabinett li għandhom dħul ieħor minn sorsi oħrajn, iddikjaraw kull dħul bid-dettalji ta’ minn fejn ġej id-dħul mis-sorsi oħra minbarra dak mis-salarju tal-kariga li jokkupaw bħala Ministru jew Segretarju Parlamentari.

Il-Ministru Konrad Mizzi ddikjara li fl-2014 kellu dħul ta’ €76,000. Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne ddikjara dħul ta’ €88,000. Is-salarju ta’ Ministru tal-Gvern ta’ Muscat, skont kif iddikjaraw Ministri oħrajn, hu fil-livell ta’ €58,666.

Fid-dikjarazzjoni tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi niżżel biss li għandu proprjetà f’Londra, u appartament f’Tas-Sliema. Ma ta ebda dettalji ta’ indirizzi ta’ dawn il-propjetajiet kif għamlu xi Ministri oħrajn. Għandu wkoll 4,000 ishma fl-MIA, depożiti f’banek li jaħħqu €310,279, u dejn ta’ €329,816.

Fid-dikjarazzjoni tiegħu, ma kien hemm ebda referenza għad-dħul tal-mara tiegħu, Sai Mizzi, li din il-ġimgħa fil-Parlament il-Prim Ministru ddefenda s-salarju li ta l-Gvern ta’ €13,000 fix-xahar – €156,000 fis-sena.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne ddikjara wkoll li hu sid ta’ proprjetà f’Ħal Tarxien, ta’ garaxx f’Ħal Tarxien, u art f’Bir id-Deheb. Għandu wkoll depożiti f’banek li jlaħħqu s-somma ta’ €136,867. Iddikjara wkoll l-ishma jew azzjonijiet f’investimenti li jlaħħqu ċ-ċifra ta’ €329,029. Iddikjara wkoll €3,600 f’self.

Fi tweġiba b’referenza għal dan l-artiklu, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li jfakkar li huwa ngħata l-inkarigu ta’ Segretarju Parlamentari fil-bidu ta’ April 2014, għaldaqstant id-dikjarazzjoni tal-assi għas-sena 2014 tinkludi wkoll dħul mill-impjieg precidenti li kellu sal-ewwel  3 xhur tas-sena.

Sa qabel April 2014, is-Segretarju Parlamentari kellu rwol ta’ Chairman Surgery. Dan barra l-Onorarja Parlamentari u l-onorarja ta’ Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin. Is-salarju minn dawn l-inkarigi kien aktar minn dak ta’ segretarju parlamentari.  Huwa wkoll part-time lecturer fl-Universita ta’ Malta.

Ma’ dawn wieħed irrid iżżid dħul minn investimenti, liema investimenti ġew iddikjarati fid-Dikjarazzjoni tal-Assi ppreżentata fil-Parlament, kif ukoll żieda fil-valur tal-istock.