Internazzjonali

L-ITALJA: Arrestat Pakistani fuq suspetti li kien qed iħejji attakki suwiċida

Raġel Pakistani residenti fl-Italja kien arrestat hekk kif wasal fl-ajruport ta’ Fiumicino peress li hu mfittex b’rabta mal-agħar attakk terroristiku fil-Pakistan.
Barra minn hekk, ir-raġel arrestat, Siyar Khan, li għandu 36 sena, hu suspettat ukoll li hu parti minn grupp ta’ estremisti Iżlamiċi bbażati fl-Italja, li kienu qed jippjanaw attakki terroristiċi f’Ruma u aktarx fuq il-Vatikan.
Dawn kellhom ikunu attakki suwiċida b’nies li ddaħħlu fl-Italja mill-Pakistan.
Khan hu s-suspettat ewlieni tal-attakk terroristiku f’Peshawar fit-28 ta’ Ottubru tal-2009. Dak l-attakk kien ħalla aktar minn 130 persuna mejta u aktar minn 200 midruba, u hu meqjus fost l-agħar attakk terroristiċi fil-Pakistan.
Khan kellu l-permess biex jgħix fl-Italja u hu suspettat li ta kenn lil nies oħra li kellhom iwettqu attakki suwiċida u li daħlu fil-pajjiż f’Marzu tal-2010, li wieħed minnhom għadu mfittex.
L-arrest ta’ Khan seħħ xahrejn wara li l-Pulizija f’Sardenja ħarġu 18-il mandat ta’ arrest f’ħidma kontra grupp ta’ militanti Iżlamiċi mmexxija minn żewġ eksgwardji ta’ Osama bin Laden ibbażati f’Olbia, li qed titqies bħala bażi ewlenija tal-militanti Iżlamiċi fl-Italja.
Mit-18, huma biss disgħa li kienu arrestati f’April u l-oħrajn ma jistgħux jinstabu u aktarx marru lura l-Pakistan.