Lokali

“Mhux se nieqfu naħdmu għall-ġid tal-ħaddiema tad-De La Rue” – il-UĦM

Il-Union Ħaddiema Magħqudin tilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li sa fl-aħħar, il-GWU se tibda tiffoka fl-interess tal-ħaddiema tad-De La Rue.

Il-UĦM qalet dan fi stqarrija b’referenza għal rapport li deher fil-ġurnal tal-GWU u fuq is-sit elettroniku tal-istess GWU. Qalet li sal-lum, hu biċ-ċar li dan mhux qed isir, tant li terz tal-ħaddiema tad-De La Rue ħabbtu l-bieb tal-UĦM bil-għan li tiddefendi l-interessi tagħhom.

Il-Union Ħaddiema Magħqudin qalet dan b’rabta ma’ diżgwid li nqala’ dwar ftehim kollettiv għall-ħaddiema tad-De La Rue, ftehim kollettiv innegozjat mill-General Workers Union.

Fl-istqarrija, l-UĦM spjegat li l-ħaddiema avviċinawha meta indunaw li kien hemm klawsoli fil-ftehim kollettiv u li ma kinux jafu li ddaħlu. Dawn l-istqarrijiet, tgħid il-UĦM, għal darb’oħra, ma ġewx imwieġba mill-GWU għax dawn huma fatti u wieħed ma jistax jinnegahom għax il-ħaddiema jafu dan kollu.

Il-UĦM żiedet tgħid li l-ħaddiema tad-De La Rue kemm-il darba ħabbtu l-bieb tal-GWU, iżda sfortunatament, l-istess GWU ma tatx riżultati tant li l-ħaddiema qed jaħsbu li l-GWU qed iċċedi l-armi.

Fl-istqarrija, il-Union Ħaddiema Magħqudin staqsiet fejn kienet il-GWU matul dan iż-żmien kollu, u għaliex ma spjegatx dawn il-bidliet qabel l-iffirmar tal-ftehim kollettiv, u għaliex il-GWU qed taċċetta li lill-ħaddiema jitnaqqsulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Illum, tennet il-UĦM, ħafna ħaddiema ma fadlilhomx il-possibbiltà ta’ Optional Leave ta’ aktar minn erbat ijiem u l-GWU aċċettat li l-ħaddiema jimlew formola li tagħti d-dritt lill-management sabiex jara l-accounts tal-banek tal-ħaddiema. B’rabta ma’ dan, il-UĦM staqsiet fejn kienet il-GWU meta d-dipartiment tar-riżorsi umani tad-De La Rue kien qed imur għand il-ħaddiema sabiex jiċċekkja lill-ħaddiema.

B’rabta mal-laqgħa li saret nhar is-Sibt li għadda bejn il-ħaddiema tad-De La Rue u l-UĦM, il-Union Ħaddiema Magħqudin qalet li għal din il-laqgħa attendew ħafna iktar ħaddiema minn kemm qed issemmi l-GWU, filwaqt li tenniet l-impenn tal-UĦM li ma tieqafx taħdem għall-ġid tal-ħaddiema tad-De La Rue.

Il-UĦM temmet tgħid li mhux se tieqaf hawn milli tkun il-vuċi u t-tarka tal-ħaddiema f’din il-kumpanija, filwaqt li saħqet li mhux se tagħmel bħall-GWU u taqta’ t-telefon tagħha meta r-rappreżentant tagħha ġie avviċinat mill-mezzi tax-xandir.