Il-ftehim ta’ irtirar kmieni li kien laħaq mal-BOV jispeċifika li jista’ jirritorna l-bank jekk jispiċċa minn Segretarju Parlamentari basta jħallas lura ammont pro rata minn din is-somma li tirriżulta mid-Dikjarazzjoni tal-Assi tiegħu
Jekk jirriżenja minn Segretarju Parlamentari, Michael Falzon irid irodd lura s-somma ta’ mill-inqas €200,000 li kien ingħata skont ftehim ta’ irtirar kmieni meta kien waqaf mix-xogħol tiegħu fil-Bank of Valletta biex ikun jista’ jokkupa kariga fil-Gvern.
L-ammont sħiħ li ħa Michael Falzon mill-BOV meta telaq mill-bank jirriżulta mid-Dikjarazzjoni tal-Assi tiegħu li tressqet fl-aħħar jiem quddiem il-Parlament fejn hemm imniżżel li wieħed mill-kontijiet ta’ Falzon fih is-somma ta’ €380,000 li jinkludu €260,000 li ħa għall-Early Retirement mill-Bank of Valletta.
Il-fatt li hu jkun kostrett jirritorna lura ammont pro rata minn dawn il-flus kien żvelat f’diversi ġurnali onlajn li fl-istess ħin żvelaw ukoll li jekk tinqala’ din iċ-ċirkostanza u Falzon jirriżenja, jew jintalab jirriżenja – pereżempju minħabba l-iskandlu ta’ Strada Zekka – hu jista’ jirritorna lura fix-xogħol li kellu mal-BOV, basta jrodd lura l-ewkivalenti mis-somma li ngħata meta telaq ibbażat fuq id-data tar-ritorn tiegħu mal-bank. Dan ikun jammonta bejn wieħed u ieħor għal madwar mitejn elf ewro.
Ftit xhur ilu, il-gazzetta ‘il-mument’ kienet diġà żvelat li Michael Falzon kien ingħata pakkett sostanzjali ta’ remunerazzjoni mill-BOV għall-irtirar kmieni – pakkett li l-gazzetta kienet qalet li kien jikkonsisti f’somma ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro. Issa, id-dikjarazzjoni tal-assi tikkonferma li Michael Falzon fil-fatt kien ingħata s-somma ta’ aktar minn kwart ta’ miljun ewro.
L-istess rapporti li ħarġu fl-aħħar sigħat jiżvelaw li minħabba li ma kien jikkwalifika għall-ebda skema tal-bank, Michael Falzon insista mal-BOV li jingħata dak li jissejjaħ ‘Termination Benefit’ li fuqu l-liġi ma timponi l-ebda taxxa li tkun trid titħallas.
Kieku l-bank insista li l-flus jingħataw fil-forma ta’ somma ta’ darba għall-irtirar kmieni, kieku Falzon kien ikollu jiddikjaraha għall-finijiet tal-Income Tax u jħallas taxxa ta’ 35% fuq is-somma totali – li jammonta għal €90,000 f’taxxa.
Imma minflok, gawda minn ‘golden handshake’ li bil-liġi hi tax-free, u b’hekk evita l-ħlas ta’ ammont qawwi ta’ taxxa. Benefiċċju bħal dan is-soltu jingħata lil min jispiċċa bla xogħol, imma fil-każ ta’ Michael Falzon hu nħatar Ministru b’salarju ta’ €42,000 waqt li issa qed joħroġ li żamm ukoll id-dritt li jirritorna lura l-bank jekk jitlef is-siġġu.
Fil-fatt, skont ir-rapporti, il-ftehim li laħaq mal-bank jagħtih id-dritt jirritorna sal-2018 jekk tinqala’ l-ħtieġa.
Min-naħa l-oħra, skont l-istess ftehim mal-BOV, jekk jispiċċa mir-rwol tiegħu ta’ Segretarju Parlamentari imma jagħżel li ma jirritornax lura fl-impjieg li kellu mal-bank, il-flus iżommhom.
Michael Falzon, li għandu 54 sena, ingħaqad mal-BOV fl-1979 u meta spiċċa mill-bank fit-2 t’April tas-sena l-oħra kien Executive Head tal-Uffiċċju Legali tal-Bank.
Kien il-Bank of Valletta stess li kkonferma li r-regolamenti tal-irtirar kmieni jippermettu impjegati li jkollhom aktar minn 50 sena jitolbu li jirtiraw fuq diversi kriterji – fosthom kundizzjonijiet ta’ saħħa jew inkella ħatra f’dak li hu deskritt bħala ‘senior public post’. F’dan il-każ tal-aħħar, l-impjegat iżomm id-dritt li jirritorna lura fl-impjieg li kellu jekk il-kariga tiġi terminata imma jkun obbligat iħallas lura l-benefiċċji tal-irtirar fuq bażi pro rata.
Il-benefiċċju tal-irtirar li jitħallas mill-bank mhuwiex wieħed fiss imma jinħadem skont is-salarju, is-snin li jkun fadallu l-impjegat partikolari biex jilħaq l-età tal-pensjoni u s-snin ta’ servizz mal-bank – kundizzjonijiet li jkunu skont id-diskrezzjoni tal-management.
Michael Falzon kien appuntat Segretarju Parlamentari għall-Artijiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru minn Joseph Muscat f’April 2014 meta l-predeċessur tiegħu Michael Farrugia ġie promoss bħala Ministru. Fl-iskandlu li fl-aħħar ġimgħat, hu ammetta li ffirma l-ftehim li permezz tiegħu Gaffarena ngħata kumpens ta’ miljuni ta’ ewro fi flus kontanti u artijiet għal esproprjazzjoni ta’ nofs proprjetà fil-Belt Valletta , li siefer fuq btala għall-kaċċa fl-Ingilterra ma’ Marco Gaffarena u li ltaqa’ miegħu f’Kastilja.
Dan wassal biex l-Oppożizzjoni tiddikjara li l-pożizzjoni ta’ Falzon m’għadhiex tenibbli u li l-PM għandu jneħħih.
S’issa Muscat għadu ma ħax pożizzjoni u qal li se jistenna l-eżitu ta’ żewġ inkjesti li għaddejjin fuq dan l-iskandlu – waħda mill-IAID li huwa dipartiment intern fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru stess, u l-oħra mill-Awditur Ġenerali. Muscat kien għamel l-istess meta dam aktar minn xahar biex neħħa lil Manwel Mallia fuq il-każ tal-isparatura mix-xufier tal-eks-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.
//= $special ?>