Ambjent Lokali

Persuni mhux magħrufa jaqilgħu siġar minn spazju pubbliku f’Pembroke

Madwar sitt siġriet li tħawwlu mis-Soċjeta’ BayStreet f’Pembroke inqalgħu minn persuna jew persuni mhux magħrufa.

Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke fi stqarrija kkundanna mingħajr riservi dan l-att vandalu filwaqt li esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li dawn is-siġar, li tħawwlu biss xahrejn u nofs ilu, issa jinsabu nieqsa minn fuq il-post.

Il-Kunsill Lokali qal li atti vandali bħal dawn żgur ma jagħmlux ġieħ lil min jagħmilhom u ma jinkoraġġux terzi persuni biex ikomplu jagħtu s-sehem tagħhom b’risq il-komunita’.

Il-Kunsill Lokali temm jgħid li fiż-żmien opportun, u ladarba t-temp ikun jippermetti, se jkun qed iwettaq ħidma biex is-siġar li nqalgħu minn posthom ikunu sostitwiti b’oħrajn bħalhom.