Ambjent Lokali

Residenti Mostin jopponu l-bini ta’ shooting range qrib l-abitat

Kumpless ta’ sparar li se jokkupa spazju daqs 14-il ground tal-football mhux postu qrib toroq, residenzi u skola.

Sostnew dan l-organizzaturi tal-Grupp Mostin u Ħbieb Kontra x-Shooting Range li twaqqaf fl-aħħar jiem sabiex dan il-proġett ma jsirx daqshekk qrib l-abitat. Dan hekk kif il-Gvern jinsab fl-aħħar fażi ta’ negozjati mal-iżviluppaturi sabiex jgħaddi art pubblika b’ċens ta’ 45 sena biex issir din ix-shooting range.

Il-kumpless hu magħmul minn sitt ranges differenti li jistgħu jakkomodaw sa’ 65 tiratur f’daqqa u li wieħed jista’ jimmaġina l-ħsejjes kontinwi li se jkunu ħerġin mix-shooting range. L-eqreb dar tinsab biss 140 metru bogħod filwaqt li l-iskola taż-Żokrija hi madwar 300 metru mix-shooting range.

Hu stmat li l-ħsejjes minn dan il-kumpless se jkunu qed jinstemgħu mhux biss miż-Żokrija iżda anki minn Tarġa Gap u mill-parti ta’ fuq ta’ Triq il-Kostituzzjoni.

Ħsejjes kontinwi huma ta’ detriment għall-attenzjoni tat-tfal fl-iskola u tas-saħħa tar-residenti, speċjalment tal-morda u l-anzjani. Dan minbarra li l-valur tal-propjeta’ fl-inħawi jonqos b’mod drastiku.

Il-kelliema appellaw lill-Kunsill Lokali tal-Mosta biex jieħu pożizzjoni ċara favur ir-residenti li eleġġewh.

Huma qalu li se jkomplu jwasslu l-messaġġ tagħhom mal-MEPA, mad-Deputati Parlamentari u mal-Gvern bit-tama li jirbaħ is-sens komun.