Lokali Qorti

Tliet irġiel liberati minn akkużi ta’ stupru

Tliet irġiel kienu liberati minn akkużi ta’ stupru ta’ tfajla minuri ta’ 17-il sena. Il-Qorti ippreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli qalet li filwaqt li kien hemm atti sesswali, dawn seħħew bil-kunsens.

Aldo Muscat ta’ 43 sena mill-Mellieħa, Noel Buttigieg ta’ 40 sena mill-Ħamrun u Arnold Farrugia ta’ 46 sena minn Ħaż-Żebbuġ kienu akkużati li bejn Mejju u Ġunju tal-2007 huma ħebbew u stupraw it-tfajla u offendew il-morali pubblika b’atti sesswali fil-pubbliku. Muscat kien akkużat waħdu li għex bil-qliegħ minn prostituzzjoni.

It-tfajla, kienet ħarbet mid-dar 11-il darba f’erba’ snin u kienet tirċievi kura psikjatrika fl-Isptar Monte Carmeli.

Meta seħħew il-każi msemmija, hi kienet ħarbet mid-dar tal-ġenituri u kienet nieqsa għal tliet ġimgħat wara li l-pulizija ingħatat informazzjoni kunfidenzjali li t-tfajla kienet f’appartament fil-Qawra.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti qalet li x-xhieda tat-tfajla ma kienitx kredibbli, speċjalment meta wieħed iqis li kienet gidbet dwar isimha u l-eta’ tagħha.

Barraminhekk, psikjatri mqabbda mill-Qorti qalu li t-tfajla tbati minn kundizzjoni ta’ mġieba u ilha jkollha x’taqsam sesswalment ma’ diversi rġiel sa minn meta kellha 13-il sena.

Filwaqt li l-Qorti hi konvinta li l-atti sesswali msemmija seħħew, daqstant ieħor hi konvinta li dawn saru bil-kunsens tat-tfajla.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Louise Calleja filwaqt li l-Avukati Veronique Dalli, Dean Hili, Arthur Azzopardi u Giannella de Marco dehru għall-akkużati.