Internazzjonali

Twissija dwar il-predaturi sesswali fuq Facebook

Prosekuturi fir-Renju Unit qalu li l-pedofeli u l-irġiel li qed jaħsbu biex jistupraw il-vittmi potenzjali qed jużaw ta’ spiss il-Facebook u Twitter biex jagħżlu lill-vittmi tagħhom.

Skont il-prosekuturi, dawn l-aggressuri jużaw l-informazzjoni personali fuq il-media soċjali biex ifasslu l-profili ddettaljati tal-miri tagħhom.

Hu fatt li l-pedofeli u aggressuri sesswali oħra ġieli ‘jsiru ħbieb’ tal-persuni vulnerabbli permezz tal-Internet. Hawnhekk il-predaturi ġieli jilgħabuha li qed ‘jaqsmu l-istess interessi’ tal-persuna jew persuni li jkunu ffissaw fuqhom .

Fl-aktar każi xokkanti, dan il-proċess magħruf bħala grooming jirriżulta fl-abbuż tan-nisa u t-tfal, li, f’xi sitwazzjonijiet jispiċċaw ukoll il-vittmi ta’ omiċidju. L-awtoritajiet Britanniċi wissew ukoll li xi rġiel anki jippużaw ta’ nisa fuq il-media soċjali bl-iskop li javviċinaw il-vittmi magħżulha. Din it-tattika, sadanittant, hi magħrufa bħala catfishing.

L-awtoritajiet mal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi fir-Renju Unit qalu li l-ġenituri jridu joqgħodu attenti għal dak li qed jagħmlu uliedhom meta jkunu online. L-Uffiċjali sostnew li l-aspett komuni fi kważi kull kategorija ta’ delitt sesswali hu li ‘l-abbużi u l-attentati tal-abbuż qegħdin isiru aktar frekwenti permezz tal-Internet’.