Fis-sentejn li ilu fil-Gvern il-Partit Laburista, l-applikazzjonijiet għall-Housing Soċjali żdiedu u mhux naqsu, minkejja li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista ftaħar li għandu roadmap.
Fi stqarrija, f’isem ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Stephen Spiteri, il-Partit Nazzjonalista qal li dan kollu ġie kkonfermat aktar kmieni din il-ġimgħa minn Mistoqsija Parlamentari, li fiha ntqal li minn Ġunju 2012 kien hemm żieda sostanzjali fl-applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali, tant li dawn kważi laħqu t-3,000.
Il-Partit Nazzjonalista qal li dan mhu xejn għajr falliment tal-Gvern ta’ Joseph Muscat f’settur daqstant sensittiv u importanti għal bosta familji Maltin u Għawdxin. Sostna li l-Ministru Michael Farrugia jħobb jiftaħar bl-istrateġija l-ġdida dwar il-qasam tal-Housing, iżda din l-istrateġija għadha ma ġietx ippubblikata minkejja d-diversi talbiet mill-Oppożizzjoni biex ipoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li hi ħasra li mhux talli dan il-Gvern ma ntroduċa l-ebda skema ġdida fil-qasam tal-Housing, iżda talli għalaq skemi li kienu jitħaddmu qabel. L-unika deċiżjoni li l-Gvern ħa fis-settur tal-Housing hu li jgħolli r-rati tal-kirjiet ta’ dawk il-persuni li l-aktar jinsabu fil-bżonn, filwaqt li tahom biss 58ċ.
L-unika roadmap li kellu Muscat fil-qasam tal-Housing kienet li jaħtar persuni viċin tiegħu fl-ogħla karigi tal-Awtorità tad-Djar, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>

