LOGĦOB TAL-EWROPA: F’Baku fl-Azerbajġan waslet fi tmiemha l-ewwel edizzjoni tal-logħob tal-Ewropa li jintemmu għada biċ-ċerimonja tal-għeluq.
L-aħħar Malti fl-azzjoni f’dan il-logħob kien il-Judoka Isaac Bezzina li llum ħa sehem fil-kategorija taħt il-100kg.
Bezzina kien eliminat fl-ewwel round mill-Britanniku Benjamin Fletcher b’Ippon wara minuta u 12-il sekonda.
Fl-istess kategorija l-Ażerbajġan sofrew daqqa ta’ ħarta meta n-numru 5 Elkhan Mammadoc kien eliminat min-numru 1 Lukas Krpalek tar-Repubblika Ċeka. Fl-istess kategorija wkoll l-eroj lokali Elmar Gasimov numru 2 fid-dinja, tilef b’Ippon kontra l-Portugiż Jorge Fonseca.
Sadanittant id-Danimarka rebħet l-ewwel midalja tad-deheb f’dan il-logħob bit-tieni tim tad-doubles tal-irġiel fil-Badminton. Mathias Boe u Carsten Mogenson rebħu 21-8, 21-13 kontra r-Russi Vladimir Ivanov u Ivan Sozonov li kienu għelbu lid-Daniżi fil-final tal-Kampjonati Ewropej is-sena l-oħra.
Fid-doubles tan-nisa s-seeds nru 1 Gabriela u Stefania Stoeva taw l-ewwel deheb lill-Bulgarija meta għelbu lir-Russi Ekaterina Bolotova u Evgeniya Kosetskaya quddiem folla kbira.
It-Turkija rebħu l-midalja tad-deheb fil-Volleyball tan-nisa meta fil-final għelbu lill-Polonja 25-11, 25-19, 25-13. Il-midalja tal-bronż intrebħet mis-Serbja li rebħu 3-2 kontra l-Ażerbajġan.
Fil-Beach Soccer l-Italja komplew jimpressjonaw meta għelbu lin-numru 3, l-Iżvizzera 7-4 fl-ewwel semifinali.
It-Taljani kienu tilfu l-ewwel logħba f’Baku kontra Spanja imma issa rebħu l-ewwel żewġ timijiet fit-turnament wara li għelbu wkoll lir-Russja.
Ir-rebħa tal-Italja waslet b’doppjeta oħra ta’ Gabriele Gori li issa hu l-aqwa skorer tat-turnament b’sitt gowls.
Fil-Fencing, Ivan Trevejo mexxa lil Franza lejn it-tieni deheb f’dan il-logħob fl-epee tat-timijiet irġiel b’rebħa komda 45-32 fuq ir-Russja. L-Italja ħadu l-bronż.
//= $special ?>

