Lokali

Filmat: Prim Ministru ċass u sieket quddiem l-iskandlu “Gaffarena-Zammit” – każ li jista’ jkun ta’ korruzzjoni ta’ prosekuzzjoni f’każ ta’ qtil – il-PN

L-Oppożizzjoni titlob li ssir inkjesta indipendenti skont l-Att tal-Inkjesti

Dettalji tal-iskandlu Gaffarena-Zammit ġew żvelati nhar it-Tlieta li għadda u minn dakinhar sal-llum għaddew erbat ijiem. F’dawn l-4 ijiem, il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat baqa ċass u, mhux talli ma lissinx kelma waħda, iżda talli ħalla kollox għaddej qisu xejn mhu xejn. F’dan id-dawl, l-Oppożizzjoni qed titlob li ssir inkjesta indipendenti skont l-Att tal-Inkjesti biex tinvestiga dan l-iskandlu jiġi ddeterminat jekk dan huwiex każ ta’ korruzzjoni fi proċess ta’ prosekuzzjoni ta’ każ ta’ qtil.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami qal li huwa skandaluż kif Joseph Muscat ma għamel xejn u ma ħa ebda azzjoni wara li ġew żvelati dettalji nhar it-Tlieta filgħaxija. “Mhux biss Joseph Muscat baqa’ ċass u sieket, iżda anke l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u anke l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela,” qal Beppe Fenech Adami.

Beppe Fenech Adami, għalhekk, talab biex issir inkjesta indipendenti skont l-Att tal-Inkjesti, u li għandha tirrapporta direttament lill-Parlament. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista enfażizza li din l-inkjesta għandha tkun tassew indipendenti, u mhux immexxija minn xi eks Deputat Laburista bħal Philip Sciberras. “L-Oppożizzjoni tqis li din l-inkjesta għandha ssir bla dewmien u li għandha tingħata r-riżorsi kollha meħtieġa biex taħdem b’mod indipendenti, trasparenti u korrett,” qal Beppe Fenech Adami.

Beppe Fenech Adami qal li hija ħasra li l-Korp tal-Pulizija qed jittappan b’dan il-mod, meta huma fil-maġġoranza dawk il-membri tal-Korp li jwettqu dmirhom bl-aħjar mod u b’mod onest. “Il-ħmieġ fil-Korp tal-Pulizija huwa l-għadu tagħna lkoll,” qal Beppe Fenech Adami. Huwa kruċjali li l-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jakkwista l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija

Ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi spjega l-każ fid-dettall u spjega għalfejn dan huwa każ gravi.

Ray Zammit, l-eks Kummissarju tal-Pulizija li ħatar Joseph Muscat, li għamlu wkoll Direttur tal-Ħabs u Kap tal-Aġenzija l-ġdida tal-Wardens, kien imsieħeb f’negozju ma’ Joe Gaffarena, li t-tifel tiegħu, Marco, hu involut fl-iskandlu ta’ Strada Zekka. Joe Gaffarena, li l-Gvern ta’ Joseph Muscat tah permess għall-pompa tal-petrol f’Ħal Qormi, jiġi missier il-mara ta’ wieħed akkużat bi qtil ta’ raġel ieħor fid-dar tiegħu stess. Il-Prosekuzzjoni ta’ dan l-akkużat kien qed immexiha iben Ray Zammit, l-Ispettur Daniel Zammit, li anke hu u ħuħ kienu msieħbin ma’ Joe Gaffarena f’dan in-negozju.

“Dan ifisser,” sostna Jason Azzopardi, “li l-iskandlu Gaffarena-Zammit huwa dwar iben l-eks Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit li filwaqt li kien qed jinvestiga każ ta’ qtil fil-familja Gaffarena, kien f’business ma’ missier il-mara tal-akkużat.” Jason Azzopardi rrimarka li l-ġurnal Maltatoday talab lil Ray Zammit biex jikkummenta iżda rrifjuta li jagħmel dan. “Prim Ministru b’minimu ta’ serjetà, minbarra li jitlob li ssir inkjesta, kien ikeċċi, jew għallinqas jissospendi lil Ray Zammit, minn kull kariga pubblika li għandu,” qal Jason Azzopardi.

Jason Azzopardi sostna li huwa ċar li l-eks Spettur Daniel Zammit huwa viċin ħafna tal-Gvern Laburista, tant li minbarra li missieru ngħata mill-anqas tliet karigi fl-aħħar sentejn, hu ġie boarded-out mill-Pulizija fi żmien rekord ta’ 4 ijiem, u ftit jiem wara ngħata kuntratt ta’ €60,000 bħala konsulent tal-Enemalta.

“F’pajjiż demokratiku u b’soċjetà ħielsa bħalma għandna Malta, ħadd mhu ‘l fuq mill-liġi,” temm jgħid Jason Azzopardi.