Lokali

Il-President ta’ Malta tappella lill-awtoritajiet biex jiġi indirizzat id-dewmien fil-Qrati

Waqt diskors fiċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni ‘Dak li Tiżra’ Taħsad’ f’San Blas, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca appellat lill-awtoritajiet biex jiġi ndirizzat id-dewmien fil-Qrati. Il-President għamlet dan l-appell biex l-awtoritajiet infushom kemm jista’ jkun jimmanifestaw u jagħrfu, li dak li għamlu dawk li jiggradwaw minn programm ta’ riabilitazzjoni ma jintilifx minħabba d-dewmien fil-Qrati.

Il-President appellat ukoll lill-awtoritajiet biex tiġi ndirizzata l-problema li qed tinħoloq, bil-kondotta li tibqa’ mċappsa, minkejja li l-persuna tkun irriabilitat biex ma tkunx ta’ xkiel għall-opportunitajiet ta’ xogħol, għaliex ix-xogħol jaghti d-dinjita’, u tgħin lill-persuna biex tibqa’ miexja t-triq tal-ħajja b’mod pożittiv.

Appellat ukoll lil min iħaddem fejn ħeġġithom biex ma jibzgħux jagħtu l-opportunita’ lil persuni li għarfu t-triq dinjituża għal ħajjithom. Il-President spjegat kif il-Fondazzjoni tal-President għal Ġid tas-Soċjetà għandha fi ħdana Ċentru ta’ Ħelsien mill-Vizzji, u dan mhux biss sabiex tikkopera u taħdem id f’id mas-soċjetà Maltija, iżda wkoll ma’ dawk kollha interessati biex jiġġieldu din is-‘susa’ soċjali li therri l-fibra tal-familji tagħna.

Il-President ferħet lill-iggradwati li għarfu l-ħtieġa li jibdlu ħajjithom. Spjegat li min wasal biex daħal għall-programm tal-Caritas, għamel deċiżjoni mill-ikbar iżda li fl-aħħar mill-aħħar mhux biss se tkun ta’ benefiċċju għalihom iżda wkoll għas-soċjeta’ kollha kemm hi.