COPA AMERICA: Carlos Tevez skorja l-penalty deciżiv hekk kif l-Arġentina għelbet lill-Kolombja bil-penalties biex għaddiet għas-semifinali tal-Copa America.
L-Arġentina ddominaw tul il-partita kollha imma sabu lill-gowlkiper ta’ Arsenal David Ospina f’forma brillanti hekk kif ċaħħad lil Sergio Aguero u Lil Lionel Messi mir-rebound milli jiftħu l-iskor u fit-tieni taqsima xellef mal-lasta dak li deher gowl ċert ta’ Nicolas Otamendi.
Peress li fil-Copa America ma jingħatax ħin barrani għajr fil-finali, riżultat ta’ mingħajr gowls kien ifisser li r-rebbieħ kellu jiġi deċiz bil-penalties fejn wara ħames penalties falluti, Tevez skorja dak deċiżiv u issiġilla r-rebħa 5-4 għall-Arġentina.
Fis-semifinali ta’ nhar it-Tlieta l-Arġentina issa tilgħab kontra l-Brażil jew il-Paragwaj li kellhom jiltaqgħu fl-aħħar kwarti tal-finali matul il-lejl.
Il-gowl inkuruna ġurnata memorabbli għal Tevez li daħal bħala sostitut u skorja mumenti biss wara li ssiġilla t-trasferiment tiegħu minn ma’ Juventus għal mal-klabb li beda miegħu ta’ Boca Juniors.
Kienet ukoll rebħa meritata għall-Arġentina li wara li skorjaw biss erba’ gowls fi tliet partiti preċedenti fit-turnament, taw ukoll l-aħjar wirja tagħhom.
Huma wettqu serje ta’ attakki konsekuttivi imma sabu tim Kolombjan li kien determinat li jiffrustrahom.
U meta l-Arġentina sabu triqthom fid-difiża Kolombjana, sabu lil Ospina jċaħħadhom.
Il-gowlkiper, li l-futur tiegħu ma’ Arsenal hu fid-dubju wara l-wasla ta’ Petr Cech mingħand Chelsea, wettaq bosta saves brillanti fosthom dak fuq xutt ta’ Aguero fejn irnexxielu jqum malajr u jsalva wkoll id-daqqa ta’ ras ta’ Lionel Messi mir-rebound.
Dan mela lill-Kolombja bil-fiduċja li sa fl-aħħar kellhom xutt fil-lasta fit-tieni taqsima minn daqqa ta’ ras ta’ Jackson Martinez salvata minn Sergio Romero.
Madankollu reġa’ kien Ospina li żamm lill-Kolombja fil-logħba meta wettaq save brillanti fuq volley ta’ Otamendi wara azzjoni ta’ korner b’Ospina jimbotta l-ballun fuq il-lasta qabel kien ikklerjat.
//= $special ?>

