Lokali

Żewġ vetturi jinqelbu f’inċidenti separati

Raġel qed isofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li persuna oħra rrifjutat l-assistenza medika wara żewġ inċidenti separati li fihom inqelbu żewġ karozzi.

L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tas-1.10 ta’ filgħodu fi Triq San Dwardu f’Ħal Qormi, meta għal xi raġuni nqelbet karozza tat-tip Hyundai Excel misjuqa minn raġel ta’ 48 sena residenti Ħal Qormi stess.

Fuq il-post issejħet ambulanza madakollu r-raġel irrifjuta l-assistenza medika u b’hekk mhux magħrufa l-kundizzjoni ta’ saħħtu. Kawża tal-inċident, intlaqtu tlett vetturi oħra, fosthom karozza tat-tip BMW, Toyota u Fiat.

Membri tal-Protezzjoni Ċivili marru fuq il-post sabiex inaddfu t-triq minn xi periklu fosthom ħġieġ li tkisser.

Intant, f’inċident separat, raġel ta’ 36 sena residenti San Ġwann ġie ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief wara li nqaleb b’vettura fi Triq it-Torri is-Swatar, qrib l-isptar Mater Dei. F’dan l-inċident, ir-raġel sofra biss ġrieħi ħfief.