Christopher Farrugia, raġel ta’ 45 sena minn Birżebbuġa tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku fi Triq Għajn Tuffieħa, l-Imġarr. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-9.45 ta’ filgħodu.
Mill-investigazzjonijiet preliminari li saru mill-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta, jidher li għal xi raġuni kien hemm impatt bejn mutur tat-tip Honda CB u karozza tal-linja li kienu qed jinstaqu f’direzzjonijiet opposti.
Ir-raġel ta’ 45 sena, li hu wkoll missier ta’ żewġt’itfal, kien qiegħed isuq mutur tat-tip Honda CB fil-kumpanija ta’ żewġ sewwieqa oħra bil-muturi tagħhom filwaqt li x-xarabank kienet qiegħda tinstaq minn ġuvni ta’ 22 sena, residenti Ħaż-Żebbuġ.
Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li apparti li ħabat ma’ xarabank, il-mutur sussegwentament ħabat ukoll ma’ Jeep misjuqa minn koppja Taljana, qabel spiċċa mixħut fix-xagħri mal-ġenb tat-triq.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u marru wkoll Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u mis-Sezzjoni tat-traffiku sabiex jassistu. Sfortunatament is-sewwieq tal-mutur ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ ġie infurmat ukoll Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
It-triq għal xi ħin kienet magħluqa għat-traffiku filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
![IMG_0171[1]](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2015/06/17062857/IMG_01711.jpg)



![IMG_0167[1]](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2015/06/17062932/IMG_01671.jpg)
![IMG_0170[1]](https://cdn.netnews.com.mt/wp-content/uploads/2015/06/17062911/IMG_01701.jpg)