Il-Gvern ta’ Joseph Muscat huwa soapopera ta’ skandli
Ir-responsabbiltà biex in-nies jerġgħu jiksbu l-fiduċja fil-politiċi hija f’idejn il-Partit Nazzjonalista li se jkun qed jaħdem biex b’mod urġenti jnaddaf il-politika. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervent telefoniku il-Ħadd filgħodu fuq Radio 101
Simon Busuttil qal li f’dan id-dawl, il-Partit Nazzjonalista qed jintrabat li jwettaq numru t’azzjonijiet bil-għan li jnaddaf il-politika, fosthom billi jassigura li l-imġieba tal-politiċi tkun tajba, anke permezz ta’ Kodiċi ta’ Etika li l-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf bih minn issa u li jkun hemm Kummissarju Parlamentari li jiċċekja l-imġieba tal-politiċi, nkluż id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Membri Parlamentari; jassigura li d-Deputati Parlamentari ma jkunux ukoll f’bordijiet pubbliċi; jassigura li jkun hemm ħatriet li jgħaddu mill-Parlament, u mhux il-Gvern ikun qed jgħaffeġ waħdu u fl-aħħarnett billi assigura li jkun hemm regoli tassew li jassiguraw il-meritokrazija.
Waqt l-intervista, Simon Busuttil tkellem dwar l-aħħar żviluppi fis-saga ta’ skandli li ħakmu dan il-Gvern, xi ħaġa li ġiet deskritta mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista bħala soapopera ta’ skandli filwaqt li żied li kieku kien fit-tmexxija tal-pajjiż, kien minnufih iwaqqaf lil Ray Zammit u lil uliedu minn kull kariga pubblika minħabba l-intriċċi fl-iskandlu Gaffarena-Zammit, kif ukoll jitlob lil Michael Falzon jirriżenja minn Segretarju Parlamentari.
Dwar Michael Falzon, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan peress siefer ma’ Gaffarena, ltaqa’ miegħu Kastilja u ffirmalu d-deal. Hawnhekk, Simon Busuttil irrefera għas-somma ta’ €260,000 li Michael Falzon ingħata mill-BOV bħala termination benefit biex jieħu l-kariga f’Kastilja u sostna li jkun tajjeb li l-BOV jagħti spjegazzjoni ta’ din id-deċiżjoni lix-shareholders.
Simon Busuttil semma kif fl-aħħar jiem smajna b’numru kbir ta’ skandli, fosthom il-mod kif tifel ta’ 18-il sena tpoġġa shareholder u direttur f’kumpanija tas-sigurtà tal-Gvern; il-mod kif l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit jinstab li meta file dwar Spettur kien fl-uffiċju tieghu, siltiet minn dan il-file privat spiċċaw għand ħaddieħor; l-intriċċi u l-iskandlu ta’ bejn il-familja Gaffarena u l-familja Zammit kif ukoll l-iskandlu ta’ Strada Zekka li fih, il-Gvern għamel lil Marco Gaffarena multi-miljunarju.
Dawn huma biss the tip of the iceberg, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, għaliex dak li qed jiġi żvelat, qed isir magħruf minkejja l-ħabi tal-Gvern. Hawnhekk Simon Busuttil fakkar li l-Gvern qed jagħżel li jaħbi l-kuntratt dwar iż-Żonqor, il-kuntratt li sar mal-Electrogas, il-kuntratt li sar max-Shanghai Electric kif ukoll il-kuntratt sħiħ li sar ma’ Henley & Partners.
Simon Busuttil qal li sfortunatament, dan il-Gvern jinsab f’dik li sejħilha ‘a race to the bottom’, u flok ġirja ‘l quddiem, il-ġirja ta’ dan il-Gvern hi lejn il-qiegħ. Hu spjega kif il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas għall-iskandli tal-Gvern, u dan peress li l-poplu qed iħallas prezz għall-korruzzjoni istituzzjonalizzata. Hu qal li filwaqt li l-pensjonanti ngħataw 58c, il-Gvern għamel multi-miljunarju lil Gaffarena; filwaqt li qed jiżdied l-ammont ta’ persuni jaħdmu fil-prekarjat, Daniel Zammit ġie boarded-out mill-Pulizija f’erbat ijiem u wara ftit jiem ingħata kuntratt ieħor ta’ €60,000.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li issa n-nies qed jindunaw li dan il-Gvern tela’ għal ħames snin, mhux biex jiggverna iżda biex jaħtaf kemm jiflaħ.
//= $special ?>