Folla nies fir-resort sajfi ta’ Sousse, fit-Tuneżija, organizzaw dimostrazzjoni kommoventi biex jikkundannaw l-attakk ta’ nhar il-Ġimgħa fejn terrorista qatel kieseħ u biered talanqas 38 persuna fuq bajja ta’ din il-belt.
Il-maġġoranza tal-vittmi tal-attakk kienu turisti Britanniċi u l-folol tat-Tuneżini anki pprotestaw kontra l-vjolenza quddiem il-lukanda speċifika li saret mira tat-terrorista identifikat bħala student ta’ 23 sena bl-isem Seifeddine Rezgui. L-aggressur spiċċa maqtul mill-qawwiet tas-sigurta Tuneżini iżda mhux qabel wettaq dmija fuq skala terribbli. Intant, l-uffiċjali fit-Tuneżija qed jinsistu li ma kellhom l-ebda idea li t-terrorista żgħażugħ kien qed jippjana dan l-attakk.
Il-folla tat-Tuneżini li mmarċjaw f’Sousse esprimew is-simpatija mal-qraba tal-vittmi barranin tal-attakk, b’dimostrazzjonijiet simili jsiru fil-belt ta’ Tunis kif ukoll mit-Tuneżini fi Franza. In-nies fit-toroq ta’ Sousse għajjtu li l-belt tagħhom ma tmut qatt u talbu lill-barranin biex ma jabbandunawhomx. Huma, fl-istess ħin ħalfu li se jirnexxielhom jegħlbu lit-terroriżmu minkejja l-attakk faħxi li kien fost l-agħar fl-istorja moderna tat-Tuneżija.
Il-Prim Ministru tat-Tuneżija, Habib Essid, ħabbar żieda sostanzjali fil-mizuri tas-sigurta wara li l-ġiħadisti tal-ISIS ħadu responsabbilta għad-dmija f’Sousse. Hu qal li l-qawwiet riservi tal-Armata se jkunu stazzjonati fis-siti turistiċi tat-Tuneżija u li l-awtoritajiet f’pajjiżu għandhom jagħlqu mill-aktar fis madwar 80 moskea li jingħad kienu qed jinċitaw il-vjolenza.
L-ekonomija tat-Tuneżija tiddependi mit-turiżmu u hemm biża’ li t-terrur ta’ nhar il-Ġimgħa se jagħti daqqa ta’ ħarta kbira lil din l-industrija kruċjali.
//= $special ?>