Wara li l-Gvern waqqaf il-kumpanija ‘Fort Security Services Limited’
Kumpaniji privati li joffru servizzi varjati tas-sigurtà huma mħassba ħafna b’dak li għamel il-Gvern f’dawn il-jiem meta waqqaf kumpanija tiegħu biex toffri hi servizzi ta’ sigurtà. Il-kumpanija Forth Security Services Limited se titmexxa minn ġuvnott ta’ 18-il sena li jiġi n-neputi taċ-Chief of Staff fil-Ministeru ta’ Chris Cardona.
Dawn il-kumpaniji privati jħaddmu għadd kbir ta’ impjegati u l-mossa bla konsultazzjoni li għamel il-Gvern bagħtitilhom il-messaġġ li jista’ jasal il-mument li tkun din il-kumpanija tal-Gvern stess li tibda toffri s-servizzi meħtieġa f’postijiet u f’entitajiet governattivi.
S’issa u f’ħafna każi l-Gvern u entitajiet tiegħu kienu jużaw kumpaniji privati biex jagħtuhom servizzi tas-sigurtà. Iżda bit-twaqqif tal-kumpanija Forth Security Services Limited jista’ jkun ifisser li l-Gvern jibda jirrikorri għand din il-kumpanija biex tibda tagħmel hi x-xogħol meħtieġ u hekk il-Gvern ma jkollux aktar bżonn ta’ kumpaniji privati.
Dan hekk kif din il-ġimgħa kien żvelat li din il-kumpanija Fort Security se titmexxa minn ġuvnott Karkariż ta’ 18-il sena – Karl Cutajar – li hu n-neputi taċ-Chief of Staff tal-Ministru għall-Ekonomija. Karl Cutajar jiġi n-neputi ta’ Mario Azzopardi li jmexxi direttament hu bħala Chief of Staff il-Ministeru għall-Ekonomija li l-Ministru tiegħu hu Chris Cardona.
Fort Security twaqqfet b’1,200 sehem li 1,199 minnhom huma f’isem il-Gvern ta’ Malta u sehem wieħed biss hu f’isem dan il-ġuvnott Karl Cutajar. Bosta qed jistaqsu jekk din il-prassi hix waħda normali.
Sadattant jirriżulta wkoll skont il-Memorandum of Understanding ta’ din il-kumpanija, li Karl Cutajar mhux biss Direttur f’din il-kumpanija, iżda hu wkoll is-Segretarju tagħha u jokkupa wkoll il-kariga li jirrappreżenta lill-kumpanija f’kull kwistjoni legali li jista’ jkollha.
Din mhix l-ewwel ħatra importanti li qed tingħata lil dan il-ġuvnott ta’ 18-il sena. Hu diġà membru fuq il-Bord tal-MIMCOL li tieħu ħsieb l-investimenti tal-Gvern.
//= $special ?>