Futbol Sport

Il-Ġappun u l-Ingilterra fis-semi finali

FUTBOL TAN-NISA – TAZZA TAD-DINJA: Wara li sar magħruf li l-Ġermanja u l-Istati Uniti se jikkontestaw is-semi finali, jum wara sar magħruf li t-tieni semi finali tat-Tazza tad-Dinja tan-nisa se tkun ikkontesta mill-Ingilterra u l-Ġappun. Dan wara li dawn tal-aħħar kisbu rebħa sofferta ta’ 1-0 kontra l-Awstralja filwaqt li l-Ingliżi rebħu 2-1 kontra l-Kanada.

Fl-ewwel logħba l-Ġappuniżi iddominaw fil-pussess tal-ballun imma kellhom jistennew sal-aħħar tliet minuti biex skurjaw il-gowl deċiżiv. L-ewwel ċans wasal f’saqajn il-Ġappuniża Shinobu Ohno li rat ix-xutt tagħha jmur ftit għoli. L-Awstraljani bdew jilagħbu bil-kontra attakk u Alanna Kennedy kellha free kick li mar ftit barra. Minuti wara l-Awstralja baqgħu fil-logħba hekk kif Elise Kellond-Knight salvat tentattiv bir-ras ta’ Azusa Iwashimizu minn fuq il-linja.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima l-Awstralja żiedu kemmxejn fir-ritmu u l-ewwel ċans kien dak ta’ Kerr li rat ix-xutt tagħha salvat mill-gowlkiper Ayumi Kaihori. L-Awstralja komplew jippressaw u żewġ minuti wara kienet Emily Van Egmond li kellha xutt li mar ftit għoli.

Dawn kienu biss l-uniku mumenti fejn l-Awstralja kienu aħjar mill-avversarji tagħha u hekk kif il-logħba dehret li kien se tmur għall-ħin barrani imma minn azzjoni ta’ corner id-difiża Awstraljana naqqset milli tikklirja u Iwabuchi skurjat il-gowl ferm importanti għal skor finali ta’ 1-0.
Żewġ gowls fl-ewwel taqsima kienu biżżejjed għall-Ingilterra biex dawn għelbu lill-Kanada 2-1 u għaddew għas-semi finali.

Kienu l-Kanadiżi li bdew fuq l-attakk hekk kif Melissa Tancredi irċiviet mingħand il-captain Sinclair imma x-xutt tagħha għadda għoli. Ta dan pattew qares għax minuti wara l-Ingliżi fetħu l-iskor fil-11-il minuta. Dan meta Lauren Sesselmann ma ikklirjatx tajjeb il-ballun u Taylor kien pronta biex approfittat minn dan l-iżball u għelbet lill-gowlkiper Erin McLeod.

Għaddew biss erba’ minuti u l-Ingliżi irduppjaw mal-iskor. Minn azzjoni ta’ free kick Fara Williams tefgħet cross li sab lil Bronze, l-awtur tal-gowl rebbieħi fir-rawnd tal-aħħar 16 u din tal-aħħar għoliet tajjeb fuq Allysha Chapman u b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għelbet lil McLeod għal skor ta’ 2-0.
It-tim Ingliż seta’ għamel l-iskor 3-0 imma d-daqqa ta’ ras ta’ Katie Chapman ħabtet mal-mimduda.
Tliet mintui qabel tmiem l-ewwel taqsima l-Kandiżi naqqsu d-distakk meta Ashley Lawrence kellha xutt salvat minn Bardsley imma mir-rebound Sinclair ma żbaljatx biex għamlet l-iskor 2-1.

Minkejja li l-Kanadiżi kellhom l-appoġġ tal-pubbliku tagħhom stess l-Ingilterra iddefendew tajjeb biex ibbukkjaw post mal-aħħar erbgħa għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom.