COPA AMERICA: Għat-tieni darba konsekuttiva l-Paragwaj elimina lill-Brażil mill-Copa America. Wara li erba’ snin ilu l-Brażil kienu tilfu fil-kwarti finali kontra dan it-tim, ilbieraħ il-Brażiljani tilfu 4-3 bl-għoti tal-penalties wara li l-partita kienet intemmet fi draw ta’ 1-1.
Il-Paragwaj għamlu ħames bidliet mit-tim li ġie draw 1-1 kontra l-Urugwaj filwaqt li l-Brażil, li reġgħu kienu mingħajr Neymar, ma għamlux tibdiliet mir-rebħa ta’ 2-1 li kisbu kontra l-Venezuela.
Il-Brażil mall-ewwel ħarġu fuq l-attakk u wara biss żewġ minuti Philippe Coutinho ra x-xutt tiegħu salvat minn Villar għall-corner. It-tim ta’ Dunga mar fil-vantaġġ wara kwarta logħob. Id-difensur ta’ Barcelona Dani Alves tefa’ cross lejn ROBINHO li kien żmarkat u bl-aktar mod faċli skurja mil-viċin għal 1-0. Dan kien l-ewwel gowl ta’ Robinho mal-Brażil sa mill-2010.
Wara dan il-gowl kien hemm mumenti fejn il-Paragwaj ipprovaw iwettqu reazzjoni. L-ewwel kien Santa Cruz li ittanta xortih mill-bogħod u wara kien corner ta’ Benitez li ikkawża problemi lill-Brażil.
Hekk kif bdiet it-tieni taqsima l-Paragwaj kellhom ċans tajjeb permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Paulo da Silva. Fit-72 minuta l-Paragwaj ġabu d-draw minn penalty ta’ GONZALEZ. Minn hawn ‘il quddiem iż-żewġ timijiet kellhom iċ-ċansijiet tagħhom imma l-ebda minnhom ma sabu x-xibka u b’hekk il-logħba kellha tkun deċiża bil-penalties.
Għall-Brażil naqqasu milli jiskurjaw Ribeiro u Douglas Costa filwaqt li għall-Paragwaj falla l-penalty tiegħu Roque Santa Cruz imma għalih patta Gonzalez li skurja t-tieni penalty personali biex ta rebħa importanti lit-tim tiegħu li issa fis-semi finali jilgħab kontra l-Arġentina.
Wara l-partita l-kowċ tal-Brażil Dunga qal li raġuni prinċipali ta’ din it-telfa kien virus li qabad lil diversi plejers jiem qabel il-logħba.
Wara l-partita ħarġet anke l-aħbar li z-ziju ta’ Derlis Gonzalez, il-plejer li skurja l-penalty deċiżiv, miet b’attakk tal-qalb waqt li kien qed jara l-partita.
//= $special ?>

