Internazzjonali

It-taħditiet nukleari se jmorru ‘l hinn mid-deadline

L-IRAN: Uffiċjali tal-Istati Uniti qalu li taħditiet dwar in-nukleari tal-Iran għandhom jaqbżu d-deadline formali biex jintlaħaq ftehim, li hu stabbilit għal għada.

L-aħbar dwar din l-ammissjoni ngħatat waqt li l-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Mohammed Javad Zarif, kien qed iħejji biex imur lura pajjiżu minn Vjenna ( fl-Awstrija) fejn kienu għaddejjin it-taħditiet.

Is-sorsi infurmati qalu li Zarif, x’aktarx , kellu bżonn imur f’Tehran għal konsultazzjonijiet li jirrigwardaw intopp fin-negozjati – f’dan il-każ, il-livell tal-aċċess li l-Iranjani għandhom jippermettu lill-osservaturi nukleari barranin.

Ħames potenzi tad-dinja – l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Ġermanja, li jiffurmaw il-grupp P5+1 qed jieħdu sehem fin-negozjati intiżi biex jitqiegħdu limiti għall-programm nukleari tal-Iran. Dan filwaqt li jitneħħew is-sanzjonijiet internazzjonali imposti fuq ir-reġim Iżlamiku f’Tehran.

Il-potenzi huma ħerqanin li jillimitaw l-attivitajiet nukleari tal-Iran u jaċċertaw li dan il-pajjiż ma jasalx f’punt fejn ikun jista’ jipproduċi malajr xi tip ta’ arma nukleari.

In-negozjaturi, f’April, kienu wkoll qabżu d-deadline rigward l-abbozz tal-ftehim inkwistjoni. Intant, qed jidher li d-deadline ta’ għada għal ftehim komprensiv jista’ wkoll ikun estiż bi ftit ġranet – anki jekk l-Uffiċjali Amerikani insistew li mhux se jkun hemm xi dawmien fit-tul.

Mifhum li Javad Zarif, fi tmiem il-ġimgħa, kien informa lil John Kerry, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, dwar l-intenzjoni tiegħu biex jirritorna mill-iktar fis għat-taħditiet fi Vjenna.