Internazzjonali

It-‘terrorista tal-moskea’ kien Sawdi

IL-KUWAJT: L-awtoritajiet lokali qalu li l-aggressur li, nhar il-Ġimgħa, wettaq l-attakk suwiċida ġo moskea tax-Xiti hu ċittadin Sawdi li kien ilu biss is-sigħat f’dan il-pajjiż.

Il-Ministeru tal-Intern fil-Belt tal-Kuwajt semma lit-terrorista bħala Fahd Suleiman Abdulmohsen al-Qaba’a . Kelliema għall-Ministeru qalu li t-terrorista, li daħal fil-pajjiż illegalment, ma tilifx iż-żmien biex itajjar l-isplussivi fil-Moskea ta’ Imam Sadiq (fil-Belt tal-Kuwajt) fejn inqatlu talanqas 27 persuna, b’aktar minn 200 jisfaw midruba.

L-aggressjoni kienet l-agħar kontra l-Musulmani Xiti fl-istorja riċenti tal-Kuwajt.

Il-grupp ISIS, li hu wkoll avversarji tal-Musulmani Xiti, qal li kien ‘wara dan l-attakk’, li, flimkien ma’ attakki simili preċedenti f’dan il-pajjiż, enfasizza t-theddida tal-ġiħadisti li qed tikber fir-reġjuni tal-Golf.

L-aħħar rapporti qalu li diversi nies spiċċaw arrestati b’konnessjoni mal-attakk fuq il-moskea fil-Belt tal-Kuwat. Dawn jinkludu x-xufier tal-karozza ‘li kienet wasslet lit-terrorista fl-inħawi fejn seta’ jwettaq l-aġir qattiel’.