Formula 1 Sport

Kelli bżonn din ir-rebħa – Rossi

“Kien ferm importanti għalija llum li spiċċajt qabel Lorenzo għax fl-aħħar erba’ Grand Prix hu kien naqqas id-distakk minn miegħi bi 28 punt u kien hemm bżonn ta’ reazzjoni minn naħa tiegħi.”

Dawn kienu l-ewwel kummenti tas-sewwieq tal-Yamaha Valentino Rossi wara li nhar is-Sibt rebaħ il-GP tal-Olanda f’Assen biex kabbar id-distakk li għandu f’ras il-klassifika għal 10 punti. Qabel it-tellieqa s-sewwieq Taljan, kien f’ras il-klassifika b’vantaġġ ta’ punt fuq Jorge Lorenzo li kien ġej minn erba’ rebħiet infila imma grazzi għar-rebħa li kiseb fl-Olanda il-vantaġġ kiber għal 10 punti. Rossi għeleb l-isfida taċ-champion renjanti Marc Marquez tal-Honda u tal-istess Lorenzo li daħal fit-tielet post.

Bla dubju waqt it-tellieqa spikka l-finali drammatiku hekk kif fl-aħħar kantuniera Marquez, li kien it-tieni, attakka lil Rossi u saħanistra messlu l-mutur imma Rossi, grazzi għall-esperjenza u teknika kbira li għandu żamm il-bilanċ anke jekk kellu joħroġ mit-track u jsuq fuq iż-żrar biex iddefenda l-ewwel post.

Fl-ewwel kummenti li ta Rossi qal li din ir-rebħa se tkun kruċjali għalih fit-tentattiv tiegħu li jirbaħ it-titlu mondjali għall-10 darba fil-karriera tiegħu. “Kont naf li kelli ċans tajjeb biex nirbaħ it-tellieqa għax kont ilni dawn l-aħħar tlett ijiem nirreġistra ħinijiet pożittivi. Keli tellieqa tajba u l-aktar ħaġa importanti għalija, minbarra r-rebħa kienet li spiċċajt qabel Lorenzo għax hu kien ġej minn diversi wirjiet tajbin li għenuh inaqqas id-distakk b’mod notevoli,” qal Rossi.

Ta min jinnota li nhar is-Sibt Rossi għall-ewwel darba sa mill-2009 rebaħ tellieqa billi iddefenda l-pole position mill-bidu sal-aħħar. L-aħħar darba li kien għamel dan kien meta rebaħ il-GP ta’ San Marino.

Minkejja li enfasizza li din ir-rebħa se tgħinu ħafna biex jirbaħ it-titlu, Rossi jaf li għad fadal ħafna xi jsir sakemm jirbaħ it-titlu. “Fadal aktar minn disa’ Grand Prix għal tmiem l-istaġun u jistgħu jiġru ħafna affarijiet. Din kienet id-disa’ darba li rbaħt f’Assen imma ma nafx nistax ngħid jekk kinitx l-aqwa rebħa li qatt ksibt f’dan iċ-ċirkwit,” temm jgħid Rossi.

Xorta waħda kuntent

Iċ-champion Marc Marquez, minkejja li ma ħax dak li ried fl-aħħar kantuniera, xorta waħda esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li spiċċa fit-tieni post. Din kienet l-ewwel darba sa minn Mejju li għadda li Marquez spiċċa fuq il-podju. Għall-kuntrarju ta’ sena ilu, din is-sena Marquez qed isibah ferm aktar diffiċili biex jirbaħ it-tlielaq.

“Hekk kif kien fadal tliet dawriet għat-tmiem għamilt żball li swieni qares. Fl-aħħar irkuprajt u kont ilni tellieqa sħiħa nistudja u naħseb dwar x’se nagħmel fl-aħħar kantuniera. Ma stennejtnx li konna se nmissu ma’ xulxin u nemmen li kelli nkun jien li nirbaħ it-tellieqa. It-tellieqa li jmiss se jkun importanti ħafna li nerġa’ nikseb post fuq il-podju biex inkun konsistenti. Kien ferm importanti għalija wkoll li mort tajjeb f’ċirkwit li l-Honda ma tantx imorru tajjeb fih,” temm jgħid Marquez
Il-Grand Prix li jmiss ikun dak tal-Ġermanja fit-12 ta’ Lulju.