Il-Fatti fl-iskandlu Gaffarena-Zammit
- L-eks Spettur Daniel Zammit – investigatur ewlieni tad-delitt ta’ Neville Baldacchino li nqatel minn Stephen Caruana.
- Stephen Caruana – li spara tlett tiri bil-konsegwenza tal-mewt ta’ Neville Baldacchino. Stephen Caruana hu r-raġel ta’ Romina Caruana nee’ Gaffarena.
- Romina Caruana nee’ Gaffarena – tiġi t-tifla ta’ Joe Gaffarena – missier Mark Gaffarena, li sar multi-miljunarju wara l-espropjazzjoni tal-binja fi Triq Zekka.
- L-eks Spettur Daniel Zammit – it-tifel tal-eks Kummissarju Ray Zammit hu involut f’negozju dirett ma’ Joe Gaffarena – u allura f’negozju mal-kunjatu tal-qattiel li kien qed jinvestiga hu stess. Daniel Zammit ġie boarded out f’erbat ijiem u ngħata €60,000 f’impjieg mal-Enemalta. Hu iben l-eks Kummissarju Ray Zammit.
L-eks Spettur tal-Pulizija Daniel Zammit, wieħed mill-investigaturi ewlenin tad-delitt ta’ Neville Baldacchino li nqatel bi tlett tiri ta’ senter minn Stephen Caruana – ir-raġel ta’ Romina Caruana neè Gaffarena u li allura tiġi t-tifla ta’ Joe Gaffarena missier Mark Gaffarena li għadu kemm ingħata xejn inqas minn €3.5 miljun f’artijiet u flus kontanti bħala kumpens għal esproprjazzjoni – hu involut f’negozju dirett mal-istess Joe Gaffarena, fosthom fit-twaqqif ta’ żewġ kumpaniji.
L-eks Spettur tal-Pulizija Daniel Zammit bħalissa qiegħed ikompli jiddomina l-aħbarijiet wara li kien żvelat kif f’temp ta’ erbat’ijiem irnexxielu jgħaddi boarded out mill-Korp tal-Pulizija u hekk dabbar pensjoni ta’ €800 fix-xahar, iżda immedjatament wara ngħata mill-Gvern impjieg ta’ konsulent dwar il-frodi mal-Korporazzjoni Enemalta bi dħul ta’ €60,000 fis-sena.
Ritratt: L-eks-Spettur Daniel Zammit li ġie boarded out f’erbat ijiem flimkien ma’ missieru, l-eks Kummissarju Ray Zammit. Daniel Zammit kien qed jinvestiga delitt waqt li daħal f’negozju ma’ Joe Gaffarena – kunjatu tal-qattiel.
L-eks Spettur tal-Pulizija Daniel Zammit jiġi t-tifel tal-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Raymond Zammit li f’Diċembru li għadda tneħħa mill-kariga li kellu b’rabta mal-isparatura li kienet seħħet fil-Gżira x-xahar ta’ qabel mix-xufier (Kuntistabbli wkoll) tal-eks Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia.
L-eks Spettur tal-Pulizija Daniel Zammit jiġi wkoll ħu l-Ispettur Roderick Zammit li suppost iservi fit-Taqsima ta’ Kontra l-Frodi tal-Pulizija iżda bħalissa jinsab bis-sick leave!
L-eks Spettur tal-Pulizija Daniel Zammit hu wkoll fost is-sidien u d-diretturi ta’ żewġ kumpaniji – Geras Care Limited u St. Gabriel Residential Homes Limited – li fihom hemm involuti wkoll missieru l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Raymond Zammit, ħuh l-Ispettur Roderick Zammit, u Joe Gaffarena u Michael Gaffarena li jiġu missier u ħu Mark Gaffarena rispettivament.
Il-kumpaniji Geras Care Limited u St. Gabriel Residential Homes Limited twaqqfu fis-snin ta’ wara d-delitt ta’ Neville Baldacchino f’Ħal Qormi fl-2008 u ċioè waqt li l-eks Spettur Daniel Zammit kien għadu jinvestiga dan id-delitt. Jiġifieri waqt li suppost kien qiegħed janalizza b’mod rett, korrett, imparzjali u bla ma jħares lejn uċuħ id-delitt ta’ Neville Baldacchino, fis-snin ta’ wara waqqaf żewġ kumpaniji flimkien ma’ Joe Gaffarena li jiġi missier il-mara tal-qattiel – jiġifieri Stephen Caruana.
Bla dubju ta’ xejn li dan ix-xenarju xokkanti kollu jikkostitwixxi kunflitt kbir ta’ interess… mhux biss, iżda l-mod kif tmexxew ‘il quddiem l-investigazzjonijiet iqanqlu numru ta’ mistoqsijiet għaliex jixegħlu bozza ħamra.
L-eks Spettur Daniel Zammit, li fil-Korp kien iservi fit-Taqsima ta’ Kontra l-Frodi, kien assenjat bħala wieħed mill-investigaturi ta’ dan id-delitt flimkien ma’ fizzjali oħra mid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali. Mhux magħruf x’wassal biex fil-fatt hu tpoġġa fit-tim ta’ investigaturi dwar dan id-delitt.
Eventwalment l-eks Spettur Daniel Zammit spiċċa l-investigatur prinċipali u l-uffiċjal prosekutur ewlieni f’dan id-delitt u aktar ‘il quddiem spiċċa wkoll biex kien involut f’negozju – żewġ kumpaniji – mal-familja Gaffarena.
Dan ix-xenarju kollu fl-isfond tal-fatt li dan id-delitt – minkejja li għaddew numru ta’ snin – għadu fl-istadju tal-ġbir tal-provi (kumpilazzjoni) u sa issa għadu mhux magħruf jekk hux se jkun hemm provi biżżejjed biex Stephen Caruana jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.
Fil-frattemp waqt li l-atti jinsabu quddiem l-Avukat Ġenerali, Stephen Caruana għandu imposti fuqu numru ta’ kundizzjonijiet mill-Qorti, fosthom li ta’ kuljum irid jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija.
Intant, f’Konferenza tal-Aħbarijiet ilbieraħ l-Oppożizzjoni talbet li ssir inkjesta dwar dan l-iskandlu.
//= $special ?>