Lokali Saħħa

L-MUMN tistenna li l-Gvern ikun intermedjarju b’saħħtu fin-negozjati

Il-Gvern għandu jkun intermedjarju b’saħħtu biex jiġi assigurat li dak li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin akkwistaw matul is-snin jiġi mhux biss ikkonsolidat iżda wkoll imtejjeb fl-interess ta’ kulħadd.

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel Maltin (MUMN) qalet dan fi stqarrija qaletb’reazzjoni għall-aħbar li l-Gvern għażel l-imsieħeb mill-privat li se jkun qed jifforma parti mill-Public Private Partnership għall-qasam tas-saħħa. Is-Sibt sar magħruf li se tkun il-kumpanija Vitals Global Healthcare li se tkun qed tissieħeb f’dan il-Public Private Partnership.

L-MUMN qalet li qed tħares ‘il quddiem sabiex jibdew in-negozjati meħtieġa ma’ din il-kumpanija sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tagħha jitjiebu kif ukoll li l-pazjenti jibdew jirċievu kura aħjar.

L-MUMN qalet li ilha għaddeja għal numru ta’ ġimgħat f’diskussjonijiet mal-Ministeru tas-Saħħa marbuta ma’ dan il-proġett fejn ingħatat il-garanziji neċessarji fuq numru ta’ punti pero’ numru ta’ punti oħra se jiġu ttratati fid-diskussjonjiet li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjien meta l-MUMN tkun involuta f’negozjati ma’ dan l-imprenditur barrani sabiex tassigura mhux biss li l-membri tagħha jibqgħu jgawdu l-kundizzjonijiet tax-xogħol li għandhom illum iżda wkoll ser tinsisiti li jitjiebu.

B’rabta ma’ dan, l-MUMN qalet li hi tinsab kommessa li tħares l-interessi tal-membri tagħha f’kull waqt u f’kull ħin u huwa dan li se tkun qed tagħmel waqt dawn in-negozjati mhux faċli li se jkollha fil-ġimgħat li ġejjin u li l-Gvern għandu jkun intermedjarju b’saħħtu fin-negozjati tal-MUMN ma’ din il-kumpanija barranija.