Lokali

Michael Falzon jibqa’ jisfida lil Joseph Muscat wara li talbu jirriżenja

… sorsi żvelaw ir-rabja ta’ Muscat wara li l-ġimgħa li għaddiet MaltaRightNow.com żvelat li Michael Falzon irrifjuta t-talba li għamillu l-Prim Ministru biex jirriżenja

L-iskandlu ta’ ‘Strada Zekka’ li l-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed jipprova jwikki bih lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon kixef li minkejja kull impressjoni li dejjem setgħet tingħata, fil-verità Joseph Muscat mhux veru għandu kontroll assolut tal-Kabinett.

Il-gazzetta il-mument tal-Ħadd li għadda żvelat kif il-Prim Ministru Joseph Muscat ried li Michael Falzon jagħti r-riżenja tiegħu minn membru tal-Kabinett, iżda l-istess Michael Falzon irrifjuta li jagħmel dan. Dan qiegħed juri li Michael Falzon qiegħed jisfida lil Muscat hekk kif ma tahx ir-riżenja tiegħu.

Hemm bosta raġunijiet li wasslu lil Michael Falzon iżomm iebes quddiem ix-xewqa ta’ Joseph Muscat, fosthom li biex idabbar rasu hu l-ewwel iridu jdabbru rashom membri oħra tal-Kabinett. Illum fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat hemm numru ta’ Ministri li ma’ isimhom hemm marbuta każi li jew kien hemm irregolaritajiet fihom inkella jqajjmu suspetti kbar.

Il-Ministri Helena Dalli, Konrad Mizzi u Anton Refalo kollha saritilhom pressjoni f’din l-aħħar sena biex jirriżenjaw mill-kariga ministerjali tagħhom. Minkejja dan, huma xorta baqgħu Ministri u ma tkeċċewx mill-Prim Ministru.

Ċirkostanzi bħal dawn qed iwasslu biex meta Ministru jew Segretarju Parlamentari jinqabad fiċ-ċentru ta’ skandlu, kif seħħ fl-aħħar ġimgħat fil-każ ta’ ‘Strada Zekka’ li jinteressa lil Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari Falzon ma ddejjaq xejn jibqa’ jwebbes rasu għaliex konxju mill-fatt li l-Prim Ministru quddiem dawn is-sitwazzjonijiet jirrendi ruħu dgħajjef ħafna.

Hemm ukoll kwistjoni finanzjarja li jekk jirriżenja, Michael Falzon ikollu jagġtu lura mill-anqas €200,000 lill-Bank of Valletta wara li laħaq ftehim biex jirtira kmieni.

Aktar analiżi u dettalji dwar is-sitwazzjoni kkumplikata fil-Kabinett ta’ Muscat fil-ħarġa ta’ il-mument.